Lokali

“Diversi impjegati qed jitilqu jaħdmu barra minn Malta” – Marisa Xuereb

“L-infrastruttura tal-pajjiż mhux tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni”

“L-ekonomija Maltija qed tara nuqqas ta’ labour force – hawn diversi impjegati li qed jitilqu jaħdmu barra minn Malta.”

Sostniet dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, hekk kif kienet qed tindirizza konferenza tal-EY f’Dar il-Meditteran.

Hija saħqet ukoll li l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni…bil-konsegwenza li l-fatti juru li dan kollu qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Marisa Xuereb insistiet dwar il-bżonn urġenti li naħsbu f’mod ġdid ta’ kif nħadmu l-ekonomija Maltija.

Hija sostniet li l-importanza hija l-kwalità u mhux il-kwantità filwaqt li saħqet dwar il-bżonn ta’ viżjoni fit-tul.

Dan filwaqt li saħqet li pajjiżna qed iħabbat wiċċu ma’ problemi serji ta’ sostenibilità u nuqqas ta’ ħaddiema u professjonisti.

Għalhekk hija spjegat dwar il-bżonn li l-mod kif ħdimna l-ekonomija tagħna fl-aħħar snin…jinbidel u nħarsu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja, lejn it-teknoloġija u verament nisimgħu x’inhuma jgħidu n-nies fis-settur.