Lokali Parlament

Ħadd ma refa’ responsabbiltà politika għall-qtil ta’ Daphne

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal fil-parlament nhar it-Tnejn li ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà politika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Chris Said qal li l-gvern kellu nuqqas għax m’għamel xejn biex ifakkar l-anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia. Anki l-parlament naqas għax qed jirrifjuta li tkun imfakkra Daphne Caruana Galizia; mhux biex titfakkar ġrajja kerha iżda biex ikuna ssigurat li qatt ma jerġa’ jkun hemm qtil ieħor bħalha.

Hu sostna li l-gvern u l-parlament iridu jnessu dak li ġara u sostna l-inkjesta pubblika l-gvernn ma riedha qatt u għamel minn kollox biex din ma ssirx iżda kellu jċedi għall-pressjoni internazzjonali li kienu qed jinsistu mal-gvern Malti li din l-inkjesta ssir.

Kontra qalbu l-gvern kellu jappunta din l-inkjesta; fil-bidu prova anki jpoġġi persuni li kien hemm oppożizzioni għalihom fiha. Kellu jċedi wkoll fuq il-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta li kkonkludiet li l-Istat Malti kien responsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. X’tebgħa sewda u kerha fuq l-istorja ta’ Malta!

Chris Said kompla li l-Istat kien responabbli għax ħoloq klima ta’ impunità fejn kollox jgħaddi fejn il-kriminalità organizzata tipprevali biex inqatlet ġurnalista. L-inkjesta għamlet diversi konklużjonijiet iżda l-gvern baqa’ ma għamel assolutament xejn; il-gvern naqas milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta li tant huma importanti biex ma jerġax isir qtil ieħor.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ftit ġranet wara l-qtil, fil-31 ta’ Ottubru 2017, hu kien ippreżenta mozzjoni li fiha ippropona li l-parlament jirrisolvi li l-prim ministru jaħtar inkjesta biex din tinvestiga dak li kienet qed tinvestiga Daphne Caruana Galizia. Hu qal li deputati kollha tal-gvern ivvutat kontra l-mozzjoni u f’Diċembru 2017 il-gvern ivvota kontra mozjzoni.

Għalhekk snin wara l-gvern instab responsabbli fil-qtil ta’ Caruana Galizia; kellha tkun is-soċjeta ċivili u l-Oppożizzjoni li fakkret dan il-qtil iżda l-gvern baqa’ sieket. Għadu ħadd ma refa’ rresponsabbiltà politika għal dak il-qtil, sostna Chris Said.