Ewropa Lokali

“Il-ġlieda għall-verita’ trid tkompli” – Metsola

“Il-Parlament Ewropew dejjem se jibqa’ favur il-verita’, id-demokrazija u l-valuri sabiex issir ġustizzja totali ma’ Daphne Caruana Galizia.”

Dan intqal mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola meta t-Tnejn tat bidu għal-laqgħat li qed isiru din il-ġimgħa f’dan l-istess Parlament.

Fid-diskors tagħha, Metsola għamlet referenza għall-messaġġ li waslet waqt il-velja li fakkret il-5 anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Roberta Metsola tenniet li l-Parlament Ewropew dejjem kien minn ta’ quddiem sabiex jitkattar ir-rispett lejn il-liberta’ tal-istampa. Hija qalet li dak kollu li kienet qed tikxef Daphne Caruana Galizia rridu nkomplu nikxfuh aħna sabiex issir ġustizzja totali.

Hija tenniet li l-Parlament Ewropew minn dejjem kien ta’ quddiem sabiex tinkixef il-verita’ kollha u saqsa l-mistoqsijiet kollha meħtieġa. Il-Parlament Ewropew dejjem baqa’ jkun ta’ sapport għal-aħwa ta’ Daphne kif ukoll t’uliedha.

Intant, din il-ġimgħa il-KSU organizza velja biex titfakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia – attivita li saret fuq il-kampus tal-Universita’.

Waqt din il-velja ġiet inawgurata illustrazzjoni fuq ħajt sabiex Daphne qatt ma tkun minsija, filwaqt li sar diskors mill-President tal-KSU.