Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Robert Arrigo – eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, u membru Parlamentari tal-PN sa mill-2003. Hu kellu 67 sena.
Malli ħarġet l-aħbar, il-Kap tal-PN Bernard Grech wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Arrigo.
“Tlifna lil wieħed minna! Grazzi Robert, grazzi tas-sagrifiċċji u l-ħidma tiegħek fil-Partit Nazzjonalista. Tibqa’ mfakkar għax-xogħol siewi tiegħek, għal-lealtá lejn il-Partit imma fuq kollox għall-imħabba li kellek lejn dan in-nazzjon.Ftit tal-jiem ilu minkejja d-diffikultajiet li kellek, ġejt id-Dar Ċentrali u b’passjoni tkellimna dwar is-settur li kont tirrappreżenta.”
L-istess sentiment kien espress ukoll mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, mill-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione, mit-tmexxija tal-partit u mid-deputati li jiffurmaw parti mill-Grupp Parlamentari tal-PN.
Robert Arrigo kien miżewweġ lil Marina, u kellhom żewġt itfal.
Apparti x-xogħol imprezzabbli li wettaq tul is-snin fil-politika, Robert Arrigo serva ukoll bħala President tal-club tal-futbol ta’ Sliema Wanderers, u qabel kien Sindku ta’ Tas-Sliema.
Għamel ukoll perijodu chairman ta’ Media Link.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Robert Arrigo, eks Viċi Kap u Deputat attwali tal-Partit, li miet aktar kmieni dalgħodu fl-età ta’ 67 sena.
Robert, miżżewweġ lil Marina u missier ta’ żewġt itfal, daħal fil-politika fl-1994 meta kien elett bħala l-ewwel Sindku ta’ Tas-Sliema. Hu kien ikkonfermat f’din il-kariga fl-elezzjonijiet tal-1997, 2000 u 2003, b’żieda fil-voti minn elezzjoni għal oħra.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2003, Robert Arrigo kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament, kif baqa’ jagħmel ukoll fl-elezzjonijiet ta’ wara sal-aħħar waħda f’Marzu li għadda. Fil-Parlament hu serva diversi karigi Parlamentari.
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Robert Arrigo kien elett b’maġġoranza qawwija bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit, fejn baqa’ jservi sat-tmiem tat-terminu aktar kmieni din is-sena.
Fil-bidu ta’ din il-leġislatura, hu ntagħżel mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bħala l-Kelliem għat-Turiżmu, li kien suġġett tant għal qalb Robert Arrigo.
Minbarra fil-politika, hu ħadem ħafna fis-settur turistiku, kif ukoll kien għal xi snin il-President tas-Sliema Wanderers FC u l-Viċi President tan-Neptunes WPC, fost oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi lill-qraba ta’ Robert Arrigo.
//= $special ?>