Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Liz Truss insistiet li se tkompli tmexxi lill-Partit Konservattiv fil-Gvern sad-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan minkejja l-aħħar żviluppi politiċi – inklużi l-u-turns fis-settur finanzjarju – li tefgħuha f’pożizzjoni diffiċli ħafna, ġimgħat biss wara li hi kienet ikkonfermata fil-kariga.
Liz Truss, waqt diskors, talbet skuża għall-iżbalji li wettqet bħala Prim Ministru u wara li l-Ministru ġdid għall-Finanzi, Jeremy Hunt, warrbilha kważi l-pjani kollha li hi kienet ressqet rigward il-qtugħ fit-taxxa. Hunt qed jgħid li dan kellu jsir bilfors bil-għan li jistabblizza lis-swieq, bi Truss qed tkompli tiddefendi r-rekord tagħha bħala Prim Ministru.
Filwaqt li ammettiet li ‘ma kenitx perfetta f’xi deċiżjonijiet’, Truss sostniet li kienet tkun ‘irresponsabbli’ li kieku ma pruvatx tbiddel id-direzzjoni politika tal-Gvern Konservattiv. Hi kompliet li għadha impenjata biex tistimola l-iżvilupp ekonomiku tar-Renju Unit iżda ammettiet li dan it-tragward se jdum aktar biex jintlaħaq fiċ-ċirkustanzi.
Intant, l-osservaturi jemmnu li Liz Truss fadlilha biss ftit jiem oħra bħala Prim Ministru wara li Jeremy Hunt elimina l-qtugħ kollha fit-taxxa li hi kienet ħabbret waqt il-mini-budget tax-xahar li għadda — u bir-riżultat li l-aġenda ekonomika ta’ Truss, issa, spiċċat fi ‘trietaq’.
//= $special ?>

