Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Iċ-champions jibdew id-difiża tat-titlu b’rebħa

minn Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 65

Hibernians 46

(16-11)(15-9)(18-12)(16-14)

Caffè Moak Luxol fetħu d-difiża tal-kampjonat b’rebħa fuq Hibernians 65-46 fejn din kienet it-tielet partita minn tlett kompetizzjonijiet differenti bejn dawn iż-żewġ timijiet fi spazju ta’ tlett ġimgħat. Luxol kellhom nieqsa lil Anna Fenech Pace u kellhom ukoll lil Justine Spiteri bil-Hibs isibu diffikulta biex jiddefendu lil Josephine Diaby fil-waqt li Mandi Mercieca kellha diversi rebounds fuq iż-żewġ naħat. Wara bidu bilanċjat li ra lil Hibs imorru 5-4 minn fuq bi trippla ta’ Naomi Farrugia, Luxol għamlu run ta’ 10-0 kollha minn players differenti biex marru 14-5 minn fuq. Hibs kellhom risposta minn Iona Agius u Kelly Conti fi break qasir ta’ 6-2 però kienu Luxol li temmew is-sessjoni 16-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 10 punti wara baskets minn Cristina Sollami u Gladiana Avila. Hibs wieġbu bi trippla minn Ashleigh Van Vliet u basket ta’ Jasmine Abela però run oħra ta’ 10-2 bil-punti ta’ Diaby u Avila ħalliet lil Luxol b’vantaġġ komdu fl-intervall minkejja t-tieni trippla ta’ Van Vliet għal skor ta’ 31-20.

Fit-tielet taqsima ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u trippla ta’ Kristy Caruana naqqset id-distakk tal-Pawlisti għal disa’ punti. Iżda l-punti tal-Luxol komplew ġejjin speċjalment minn Diaby u Avila u huma temmew it-taqsima 17 minn fuq 49-32. L-aħħar perjodu kien l-aktar wieħed bilanċjat bil-coaches idaħħlu wkoll liż-żgħażagħ tagħhom fuq il-court. Hibs fetħu bil-punti ta’ Kaya Calleja u Van Vliet qabel ma Diaby kompliet twieġeb għac-champions. Lejn it-tmiem, Hibs kellhom żewġ trippli minn Eliza Farrugia u Caruana però kienu Luxol li ħadu r-rebħa 65-46.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 5, V. Selvaggi, M. Mercieca 10, L. Fenech Pace 8, H. Galea, G. Avila 18, K. Portelli, P. Ellul, M. Camilleri, J. Diaby 24, J. Spiteri, A. Fenech Pace.

Hibernians: E. Farrugia 3, I. Agius 4, A. Legarra 3, A. Van Vliet 10, J. Abela 2, N. Farrugia 3, K. Caruana 9, K. Conti 4, K. Calleja 2, J. Gauchi 2, J. Dabic 4.

Referees: Bernard Vassallo, Matthew Scerri, Ionut Ciurariu

MBA Shield Nisa: Starlites FIJO it-tieni finalisti

ARMS Depiro 43

Starlites FIJO 56

(20-12)(14-21)(7-19)(2-4)

Starlites FIJO saru t-tieni finalisti tal-MBA Shield tan-nisa wara li għelbu lil ARMS Depiro 56-43 f’partita li spiċċat wara minuta u sitt sekondi tar-raba’ taqsima. Depiro kienu qiegħdin jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom dan l-istaġun taħt it-tmexxija ġdida tal-coach Fatih Dedelioglu. Huma tilfu fost l-oħrajn lil Danika Galea li tinsab f’Ruma ma’ Elite Basket Roma fil-waqt li Noeleen Agius u Neeve Borg jinsabu msefrin fuq studju. Huma kellhom lura lil Julia Borg u l-player barranija tagħhom hija l-Awstraljana Casey Jo Samuels. Starlites kellhom nieqsa lil Samantha Farrugia u tilfu b’injury wara ftit minuti lil Maria Bonett. Starlites għamlu l-partita tagħhom b’run fit-tielet sessjoni wara li għal ħin twil kellhom jiġru wara l-avversarji. Wara basket ta’ Claire Ciantar u trippla ta’ Michela Zammit Cordina li fetħu l-partita, Depiro kellhom it-trippli ta’ Samuels li kellha bidu tajjeb u marru 14-5 minn fuq. Għal Starlites kien hemm risposta minn Steffi De Martino u Amelia Simmons però basket ta’ Borg għalaq is-sessjoni favur Depiro 20-12. Fit-tieni taqsima, Starlites fetħu b’punti konsekuttivi minn De Martino u Mikela Riolo biex naqqsu d-distakk. Wara punti minn Julia Xerri, Borg u Ciantar għal Depiro, kien hemm trippla fuq kull naħa li ħallew lil Depiro 32-26 minn fuq. Starlites għalqu t-taqsima bi break qasir ta’ 7-2 biex fl-intervall punt biss kien jifred liż-żewġ timijiet bid-Depiro fuq quddiem 34-33. Fit-tielet taqsima, Starlites wettqu r-rimonta tagħhom hekk kif bdew bi break ta’ 8-3 bi trippla ta’ De Martino li poġġiethom 41-37 minn fuq. Għal xi ħin Depiro rkupraw speċjalment wara trippla ta’ Xerri u għamlu l-iskor indaqs 41-41. Hawn però Starlites ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 11-0  mibdija minn Mariah Fenech flimkien ma’ De Martino, Simmons u Christina Curmi għal skor ta’ 52-41. Fir-reba’ sessjoni, Starlites kien jonqoshom biss 3 punti biex jieħdu r-rebħa u ħadu biss 66 sekonda biex jagħmlu dan permezz ta’ żewġ baskets minn Simmons u De Martino u ħarġu rebbieħa 56-43.

Depiro: N. Agius 6, J. Xerri 15, A. Mallia, J. Mallia, L. Duncan, C. Ciantar 6, N. Hili, C. Samuels 11, J. Magri, J. Borg 3, C. Fenech 2, E. Cassar

Starlites FIJO: M. Zammit Cordina 3, M. Riolo 2, A. Saliba, M. Sciberras, M. Bonett 1, S. De Martino 25, M. Fenech 2, A. Simmons 15, C. Cilia 5, K. Mifsud, S. Davies, C. Curmi 8.

Referees: Ivica Simic, Nicky Azzopardi, Gianfranco Russo

MBA Shield IrġielGżira Athleta jibdew l-istaġun bir-rebħ

Bupa Luxol 72

Gżira Athleta 75

(23-22)(18-25)(18-14)(13-14)

F’partita oħra li sfortunatament kellha tieqaf qabel il-ħin minħabba r-regola tal-75 punt, Gżira Athleta fetħu l-impenji tagħhom għal dan l-istaġun b’rebħa kontra Bupa Luxol 75-72. Zgur li kieku l-partita ma waqfitx hemm, kien għad fadlilha emozzjonijiet x’toffri bil-mod kif beda tiela l-iskor fuq iż-żewġ naħat. Athleta ppreżentaw l-ewwel Amerikan tagħhom għal dan l-istaġun, Roland Griffin li ħalla mpressjoni mill-aqwa. Huma kellhom ukoll lil Bosnijak Kenan Coloman flimkien ma’ Michele Laferla u r-ritorn ta’ Naz Buhagiar wara staġun misluf lil Luxol. Il-partita fetħet tajjeb favur it-team immexxi minn Peter Farrugia hekk kif tlett trippli minn Nathan Xuereb, Luca Stefanovic u Griffin flimkien ma’ baskets minn Coloman poġġewhom 13-5 minn fuq. Luxol irkupraw minn dan il-bidu diffiċli u ġew lura b’run ta’ 10-2 fostom trippla ta’ Trevian Bell u għamlu l-iskor indaqs 15-15. Ħames punti fuq kull naħa ħallew parita bejn iż-żewġ timiiet u kien fl-aħħar attakk tas-sessjoni li Luxol marru għall-ewwel darba minn fuq wara basket Bell. Luxol fetħu tajjeb fit-tieni sessjoni, u għamlu run ta’ 9-2 fosthom trippla oħra ta’ Bell u marru 8 minn fuq 32-34. Hawn però wasal mument mill-aqwa ta’ Griffin fejn waħdu għamel run ta’ 13-0 li għalaqha bi trippla għal skor ta’ 37-32. Żewġ baskets fuq kull naħa ħallew lill-Athleta fuq quddiem qabel ma’ Luxol ħadu l-vantaġġ b’5 punti mingħajr risposta. Kienu Athleta li temmew it-taqsima bl-aħjar mod hekk kif għamlu seba’ punti oħra għal skor ta’ 47-41.

Fit-tielet perjodu, Athleta fetħu vantaġġ massimu ta’ 11 -il punt 59-48 b’diversi punti ta’ Griffin flimkien ma’ Xuereb u Stefanovic. Bell, Tayler Mattos u Jean Paul Schembri wieġbu għal Luxol. Hawn il-players ta’ Duncan Fenech għamlu run oħra ta’ 11-2 fosthom trippla ta’ Mattos u waslu sa’ basket ‘l bogħod mill-avversarji 59-61. Fil-ftuħ tal-aħħar taqsima, trippla ta’ Bell poġġiet lil Luxol fuq quddiem però Athleta wieġbu bi 8 punti, fosthom trippli min Stefan Vincic u Coloman. Iż-żewġ timijiet baqgħu jirrispondu lil xulxin u għal ħin twil, basket wieħed kien jifridhom. Fuq l-iskor ta’ 74-72 u b’ 2 minuti u 20 sekonda għat-tmiem sar foul fuq Griffin bl-Amerikan jiskorja l-ewwel free-throw biex sfortunatament il-partita kellha tieqaf hekk kif l-Athleta għaqqdu l-75 punt u ħadu r-rebħa. Wieħed jittama li din ir-regola (l hija applikabbli biss fl-MBA shield) tkun diskussa u mibdula hekk kif tkun ħasra li partiti bħal din jieqfu ħesrem b’ħafna iktar eċitament possibli.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic, M. Sciberras 7, T. Bell 25, JP Schembri 5, A. Trapani, L. Trapani, J. Pace Debono, T. Mattos 23, M. Matijevic 6, S. Cappello 4.

Gżira Athleta: M. Laferla, F. Mifsud Bonnici 6, N. Buhagiar, K. Coloman 8, L. Stefanovic 5, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 11, R. Griffin 41, I. Xuereb, S. Vincic 4, R. Abela, B. Zammit.

Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu.

Depiro 70

Hibernians 69

(25-17)(11-13)(18-27)(16-12)

Fl-ewwel partita li ħadet l-40 minuta kollha, Depiro ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Hibernians 70-69. Depio kienu ġejjin mit-telfa konta Mellieħa fl-ewwel ġurnata fil-waqt li Hibs, issa taħt it-tmexxija tal-coach Silvio Cassar għamlu d-debutt tagħhom għal dan l-istaġun. B’erba’ players jiskontaw sospensjoni fuq dak li ġara l-istaġun li għadda, Cassar kellhu jippreżenta formazzjoni b’diversi players żgħażagħ b’uħud minnhom kienu miegħu l-istaġun li għadda fir-rebħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni. Flimkien magħhom kemm l-ikkonfermat Ivan Demcesen u Amerikan ġdid, Justin Boyle li wara bidu kwiet daħal aktar fil-partita. Trippla ta’ Matthew Attard fetħet il-partita għal Hibs però Depiro wieġbu b’run ta’ 8-2 maqsuma bejn l-Amerikani Kameron Rooks u Cameron Cornelius flimkien ma’ Andrew Aquilina u Bastian Nel. Hibs baqgħu basket ‘l bogħod mill-avversarji qabel ma sofrew żewġ trippli minn Andy Attard u Cornelius li raw lil Depiro jtemmu s-sessjoni 25-17 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Hibs bdew aħjar u naqqsu d-distakk bill-punti ta’ Paul Attard u trippla ta’ Boyle. Għal Depiro, Rooks kien l-akar attiv flmkien m’Aquilina li kellhu trippla biex fl-intervall Depiro kienu 36-30 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, kien hemm bidu tajjeb minn Boyle flimkien ma’ Demcesen u Hibs naqqsu d-distakk għal punt 36-37. Hibs kellhom ukoll żewġ trippli minn Paul u Matthew Attard u l-punti komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat. L-ebda team ma rnexxielhu jiftaħ vantaġġ kbir u Hibs għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Boyle għal skor ta’ 54-57. Il-vantaġġ tal-Pawlisti kiber għal disa’ punti fil-bidu tal-aħħar sessjoni hekk kif huma bdew bi trippla ta’ Boyle flimkien mal-baskets ta’ Luca Borg. Depiro ma ċedewx u trippla ta’ Cornelius fetħitilhom run ta’ 12-2 kollha minn idejn iż-żewġ Amerikani u reġgħu marru punt minn fuq. Fil-waqt li deher ċar li l-ebda team ma kien se jilħaq il-75 punt, kien Cornelius li fl-aħħar 4 sekondi għamel l-aħħar punti mill-freethrow line għal Depiro li ħarġu rebbieħa 70-69.

Depiro: B. Nel 1, A. Aquilina 8, N. Grech 2, A. Attard 3, S. Kenely, K. Rooks 30, M. Brincat 2, M. Mallia 2, C. Cornelius 22, M. Debattista.

Hibernians: G. Cassar 2, P. Attard 9, D. Brincat, L. Attard, L. Borg 5, M. Attard 11, J. Bogle 26, M. Bezzina, I. Demcesen 16.

Referees:  Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi.

.