Lokali Qorti

Mhux eskluż li jittieħdu passi kontra Pulizija ieħor fuq l-allegat swat fuq persuni ta’ karnaġġon skur

Il-Pulizija qalet li mhx teskludi li tieħu passi kriminali kontra uffiċjal ieħor tal-Pulizija b’rabta mal-każ ta’ allegat swat fuq immigranti f’Settembru li għadda. Bħalissa għaddejjin proċeduri quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kontra tliet kuntistabbli b’rabta ma’ dan il-każ, żewġ ġuvintur u tfajla bil-Pulizija ma teskludiex li tista’ tieħu passi kontra Surġent tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ.

Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ tliet uffiċjali tal-pulizija akkużati li ħatfu u sawwtu ċittadini barranin. Luca Brincat ta’ 20 sena minn Ħal Qormi, Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Floriana, u Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Sta Venera qeg]din iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Xhud importanti kien is-Surġent Alexander Grech li hekk kif tela’ fuq il-pedana tax-xhieda staqsa jekk il-prosekuzzjoni għandhiex l-intenzjoni li tieħu passi fil-konfront tiegħu. Dan biex jekk isiru fil-konfront tiegħu xi domandi li jistgħu jinkriminawh huwa jagħżel li ma jweġibx.

Il-prosekuzzjoni ma tagħtx garanzija li Grech jista’ jserraħ rasu fuq il-każ u qalet lill-Qorti li għada għaddejja bl-investistazzjonijiet tagħha fuq il-każ. Alexander Gauci li jagħżel li ma jwiġibx għal xi  mistoqsijiet li jsirulu. Il-Maġistrat jikkonferma li se jingħata caution u li mhux se jixhed biex ma jinkriminax ruħu.

Gauci qal li huwa stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun u ili jaħdem f’din l-Għassa għal 10 snin fl-Għassa u li ilu Surġent sitt snin. Qal li ġie nfurmat li sar jaf bix-xhieda tat-tliet uffiċjali li sħabu rrakkontaw l-episodji li raw. Hu  qal li l-uffiċjali kienu marru fuq patrol fejn raw grupp ta’ persuni pajżana.

Huma daħħlu persuna ta’ karnaġġjon skur li ddaħħal fil-karozza tal-Pulizija u ttieħed lejn Wied f’Ħal Qormi viċin il-pompa tal-petrol. Dawn spjegawlu li r-raġel beda jissawwat u “jingħata xuttijiet fil-kustilji u f’rasu” u eventwalment intilef minn sensieh.

Grech qal li dawn qalulu li raw l-uffiċjali jqajmu persuna rieqda fil-Marsa, jagħtuh daqqa f’wiċċu u jużaw it-torċ-taser fuqu. Il-Pulizija semmew miegħu każ ieħor fejn innotaw persuna ta’ karnaġġjon skur fil-Marsa, ħaduh fl-istess post fil-Wied u bdew isawtuh. F’dan il-każ, wieħed mill-akkużati waddab ukoll ġebla fuq il-vittma. Dan il-Pulzija qal lil Grech li tant ħass għall-vittma li reġa’ mar fuq il-post biex jara għadux hemm u jagħtih l-għajnuna. Hawn il-Prosekuzzjoni esebixxiet email li ntbagħat minn uffiċjal u x-xhud ikkonferma l-kontenut tal-email.

Diġa kien għamel ilment f’April

Grech spjega li huwa kien għamel ilment f’April fil-konfront ta’ Rica Mifusd Grech u li kien se jagħmel rapport lis-Supretendent Sandro Camilleri. Hawn il-qiegħa saħnet meta bdew isiru domani persistenti mill-Avukat Franco Debono li qed jidher għal Brincat.

Is-Surġent qal li ma kienx jaf fejn seħħ l-inċident fil-Wied għax ma kienx jaf fejn hu dan il-post. Huwa ċaħad ukoll li kien jgħid lill-uffiċjali ma jġibux persuni sakrana jew mitlufa minn sensihom l-Għassa. Hawn għal mistoqsija li hu kien jagħti ordni lill-kuntistabbli biex jieħu lil persuni ta’ kulur li jkunu fis-sakra taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa.

Huwa qal li persuni sakrana jew mitlufin minn sensihom tinġibilhom ambulanza. Rigward ir-relazzjoni ma’ Luca Brincat, is-Surġent qal li l-Pulizija bdiet programm is-sena l-oħra fejn pulizija ġodda jiġi megħjuna minn pulizija ta’ esperjenza.

Hawn kien imiss lil l-avuakt Veronique Dalli tistaqsi id-domandai fosthom dwar kliem sessist fil-konfront ta’ Mifsud Grech, bis-Surġent jiċħad bil-qawwa kollha li kien qalilha li n-nisa tajbin biss għad-dar. Ċaħad ukoll li meta l-akkużata kkonfrontatu huwa  qalilha li din kienet biss ċajta. Is-Surġent ċaħad ukoll suġġeriment tal-Avukat Dalli li kien libes par ‘headphones’ u ma kienx jaf x’qed jiġri meta sar ir-rapport kontra Mifsud Grech. Hu qal li kien fl-uffiċċju tiegħu fl-Għassa meta sar ir-rapport.

Wieħed mill-allegati vittmi kien jhedded u jwerwer lil kulħadd

Xhud ieħor kienet il-psikjatra Claire Axiaq li taħdem fil-Floriana Mental Health Clinic u li xehdet dwar wieħed mill-vittmi, Ahmed Ali Abduili, Somalu ta’ 33 sena. Qalet li ilha tafu ħafna u dan meta kien l-Isptar Monte Carmeli u baqgħet f’kuntatt miegħu meta kien qed jiskonta sentenza fil-ħabs.  

Kompliet tgħid li l-pazjent tgaħha għandu ‘antisocial personality’ li jaf jimmanipula u jhedded lill-istaff ħafna u għandu tendenza jeskala s-sitwazzjoni bi vjolenza. Fil-15 ta’ Settembru, l-istaff kellhom jitolbu l-għajnuna tal-Pulizija minħabba li beda jheddidhom u dan ġie arrestat.

“Għandu tendenza li jkun psikotiku,” hija qalet, u saħqet li l-allegat vittma jbati minn ‘schizophrenic disorder’, ‘antisocial disorder’ u jbati mill-vizzju tal-kokaina u l-alkoħol.  “Għandu ħames files f’Monte Karmeli u tliet ID cards differenti,” kompliet tgħid il-psikjatra.

Eventwalment, hu ġie ‘discharged’ u l-psikjatra tgħid li tinsab inkwetata dwaru għax semgħet li qed jgħix f’binja abbandunata fil-Marsa. Il-file tiegħu huwa mimli theddid lill-istaff “li se joqtolhom, iwaddbilhom il-kafè, li jitlob il-flus u ġieli anke hedded lili”. Dr Axiaq esebixxit il-file tal-vittma sa minn Novembru 2021.

L-Avukat Franco Debono staqsa kemm għandu żmien il-vittma, bit-tweġiba tkun li twieled fl-1989, u li ilu fl-Isptar Monte Carmeli sa mill-2017. L-avukat staqsa x’theddid kien jagħmel il-vittma, bix-xhud twieġeb li kien jhedded bi qtil ta’ tobba jew psikjatri oħra u ġieli hedded lilha stess.

“Darba qal li ried itella’ lill-Gvern il-Qorti biex jirbaħ somma mill-Gvern,” kompliet tgħid ix-xhud. Dr Axiaq qalet ukoll li fil-21 ta’ Settembru, il-vittma kien qal “You and Dr Zahra (psikajtra ieħor) are going to die”.  Hi spjegat li darba nstab li kellu fuqu imqass li jaf kien jużah biex jiddefendi lilu nnifsu. Filwaqt li għamel kambjament fl-aġir tiegħu għal madwar xahrejn fil-pożittiv, reġa’ spiċċa kif kien.

L-Avukat Debono staqsa jekk is-Somau qattx attakka lil xi ħadd, b’Dr Axiaq tgħid li kull ma taf mill-file huwa t-theddid. Darba kien hedded lill-ħaddiema tal-Agency for the Welfare of Asylum Seekers (AWAS) li kien “se jaħarqilhom l-uffiċċji tagħhom”.

Debono stqarr li huwa ċar li l-vittma kien raġel perikoluż. L-avukat Veronique Dalli staqsiet jekk huwiex minnu li l-vizzji tal-alkoħol u tal-kokaina jiggravaw aktar ma jgħaddu snin u Axiaq qaet li l-vittma kien jidħol fl-isptar waqt li kien psikotiku u l ġieli kellu ġlied ma’ sħabu u fil-fatt kien tkeċċa mill-Marsa Open Centre.

L-avukat Edmond Cuschieri staqsa jekk qatt semmiex inċidenti mal-Pulizija bil-psikjatra tgħid li qatt ma semgħet b’xejn. Il-Prosekuzzjoni hawn staqsiet dwar l-arrest tas-Somalu meta beda jhedded lill-istaff u Axiaq qalet li hemm filmat tal-arrest tal-Pulizija.

Il-Qorti hawn ħatret lill-Professur David Mamo biex jinvista llis-Somalu u l-Maġistrat għamilha ċara li għandu jkollu skorta miegħu. Il-Professur se jiġi mitlub jara l-istat mentali tax-xhud u jagħmel rapport. Wara xehdet-Ispettur Jessica Bezzina li taħdem fit-Taqsima tal-Professional Standards.

Qalet li uffiċjal tal-Pulizija qaltila li kienet imbikkma, għax li rat xi uffiċjali tal-Pulizija jsawwtu xi barranin u li kienet taf b’uffiċjali oħra li raw l-istess xena. L-Ispettur Bezzina qalet li kienet fil-Qorti mal-Ispettur Omar Zammit meta dawn it-tliet uffiċjali xehdu u spjegaw dak li raw.

Hi tikkonferma l-arrest tat-tliet akkużati. L-Avukat Veronique Dalli staqsiet dwar ġlied intern mill-uffiċjali u l-Ispettur tgħid li ma tafx dwar dan. Il-Prosekuzzjoni tistaqsi dwar l-ilmenti dwar l-akkużati u l-Ispettur tirrispondi li kellmet ftit lit-tliet uffiċjali li xehdu għax kienet taf li l-każ sejjer il-Qorti.

L-Ispettur tgħid li taf b’rapport ta’ serq ta’ kartiera ta’ Rica Mifsud Grech. Dan ir-rapport issemma fis-seduta ta’ qabel. Wara xehed l-ispettur Nathan Bugeja li jaħdem fit-Taqsima tal-Asset Management. Il-Prosekuzzjoni tistaqsi dwar il-vetturi allokati mal-Għassa tal-Ħamrun.

L-Ispettur jagħti lista ta’ vetturi u ma’ liema uffiċjali ġew assenjati. “Iż-żewġ vetturi huma Peugeot u nxtraw fl-2019,” spjega l-Ispettur. Hu jikkonferma vettura oħra li kienet assenjata mal-Għassa tal-Marsa li kienet involuta f’inċident tat-traffiku u ma baqgħetx tintuża.

L-Ispettur spjega li waħda mill-vetturi kellha d-data-tracking imma l-oħra ma kellhiex. Rigward il-bodycams, l-Ispettur jgħid li kull uffiċjali irid jixgħela meta jkun on duty. Dan il-filmat jinżamm fuq server għal 90 ġurnata. L-Ispettur jispjega li meta tixgħel il-bodycam, jidhru l-aħħar żewġ minuti mingħajr ħoss u jinxtgħelu l-bodycams fil-viċin.

Wara xehed l-uffiċjal Daniel Schembri li huwa stazzjonat fil-Major Crimes Unit fejn spjega li ġie mitlub jassisti fl-arrest ta’ Luca Brincat u ta’ Rica Mifsud Grech. Irriżulta li Brincat kien fuq xi xogħol fil-Marsa u dlonk ġie arrestat fuq il-post. Fil-vettura ta’ Brincat ma nstab xejn illegali.

L-uffiċjal tenna li marru fid-dar ta’ Brincat u spjegaw lill-ġenituri tiegħu li kienu se jfittxu l-kamra tiegħu fejn ukoll hawn ma nstab xejn illegali. Xehed ukoll l-Ispettur Matthew Galea li huwa stazzjonat fil-Control Room u fil-Lock-Up tal-Pulizja. Hu esebixxa r-records tat-tfittxijiet li saru fuq l-akkużati.

Xehdet ukoll is-Surġent Donna Frendo Magro li hija stazzjonata fit-Taqsima tal-‘Gender Based Violence’. Hi tikkonferma l-arrest tal-akkużati u t-tfittxijiet tagħhom u esebixxit x’instab fuq Mifsud Grech meta saret it-tifftxija fuqha u fil-kamra tagħha.

Minn fuq Luca Brincat ittieħdu xi affarijiet fosthom arloġġ u mus. Ma’ waħda mill-uffiċjali li feħet qalbha mal-Pulziia, is-Surġent qalet marret fuq il-post fejn allegatament seħħew l-attakki qrib il-Wied tal-Ħandaq. Sa issa diġa kienu 13-il xhud li taw id-depożizzjoni tagħhom f’dawn il-proċeduri bil-każ għandu jimpli nhar il-Ħamis 20 ta’ Ottubru fejn il-Qorti għandha tiddeċiedi jekk jeżistuz raġunijiet biżżejjed biex l-imputati jitiqgħedux taħt att ta’ akkuża.

Il-Qort għandha tiddeċiedi wkoll jekk hijiex se tagħti il-ħelsien mill-arrest lill-uffiċjali tal-Pulizija wara li tisma’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal Brincat . L-Avukati Veronique Dalli u dean Hili qed jidhru għal Rica Mifsud Grech u għal Jurgen Falzon qed jidher l-Avukat Edmond Cuschieri.