“Dan huwa żmien li fih verament irridu naħdmu flimkien għall-aqwa interess tal-pajjiż – mingħajr interessi partiġġjani. Għaliex dan huwa żmien li se jiddefinixxi l-ġejjieni.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza l-konferenza organizzata minn EY f’Dar il-Mediterran fejn insista li minkejja li pajjiżna ħareġ mill-greylist tal-FATF xorta waħda l-effetti u l-konsegwenzi ta’ dak li seħħ għadna nħossuhom.
Għaldaqstant Bernard Grech saħaq dwar l-importanza li naħdmu lkoll flimkien.
Huwa nsista dwar l-importanza li l-impjegati f’kull settur jingħataw it-taħriġ neċessarju sabiex il-ħiliet tagħhom jitjiebu filwaqt li saħaq li huwa imperattiv li Malta tinvesti u toħloq niċeċ ġodda.
Bernard Grech spjega li l-Partit Nazzjonalista lest li jibda diskussjoni fuq skala nazzjonali sabiex verament jiġi indirizzat il-fatt li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar…u ħeġġeġ lill-Gvern sabiex flimkien u f’diskussjoni jinstabu s-soluzzjonijiet.
Huwa insista li l-politika tal-inklużjoni hija essenzjali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza ta’ viżjoni fit-tul u qal illi huwa biss flimkien li nistgħu verament nfejqu lil Malta tagħna, sabiex għal darb’oħra tkun fil-quċċata tal-lista għall-investiment barrani.
Huwa ħeġġeġ lill-Gvern Laburista sabiex verament iżomm mal-wegħdiet elettorali li għamel –partikolarment dik li se jkun jieħu ħsieb l-ambjent b’serjetà, wara li fl-aħħar 10 snin dan is-settur ingħata l-ġenb.
//= $special ?>