Meta mistoqsi Robert Abela x’soluzzjoni għandu biex jikkonvinċi liż-żgħażagħ jibqgħu Malta sabiex pajjiżna ma jibqax isofri dan l-hekk imsejjaħ brain drain …il-Prim Ministru qalilna li hu ma jemminx dak kollu li jghidu s-surveys. Madanakollu l-unika soluzzjoni li wassal kienet biss il-biża’, hekk kif saħaq li pajjiżi oħra jinsabu staġnati. U insista li surveys juru mod meta fil-verità r-realtà tkun mod ieħor.
Meta insistejna dwar il-fatt li s-sentiment reali hemm barra huwa li ċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, qed iħossu daqqa fil-kwalità tal-ħajja fost oħrajn bl-iżvilupp mhux sostenibbli, bit-traffiku li kull ma jmur qiegħed jiżdied minflok jonqos, kif ukoll bl-għoli tal-ħajja …Abela insista li l-Gvern qed janalizza x’inhu jdejjaq lin-nies.
Intant l-aħħar stħarriġ tal-EY wera li r-reputazzjoni tal-pajjiż hija ta’ tħassib għal kumpaniji barranin, b’36% jaħsbu li din taf timpatta l-perċezzjoni ta’ kemm pajjiżna huwa attraenti għal investiment fi 3 snin li ġejjin. Dan filwaqt li 31% biss jaraw attraenti l-istabbilità u t-trasparenza politika fil-pajjiż.
Net News staqsa lill-Prim Ministru dwar dan il-fatt, għalkemm min kliemu deher sodisfatt.
Filwaqt li huwa minnu li l-istabilità u t-trasparenza żdiedet f’għajnejn l-investitur barrani b’14%…it-triq, meta wieħed iqabbel mas-snin preċedenti, jidher li għadha twila ferm.
