Lokali

Robert Arrigo deskritt mill-MHRA bħala pijunier fis-settur turisitku

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera selmet lil Robert Arrigo fejn iddeskrivietu bħala pijunier fis-settur tat-turiżmu f’Malta, bniedem li kiseb suċċess ukoll fil-qasam tal-isport lokali..u politiku li kellu konvinzjoni kbira.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra saħaq li illum is-settur turistiku f’pajjiżna tilef imprenditur ta’ stoffa li ta l-kontribuzzjoni tiegħu biex dan is-settur issawwar f’settur ekonomiku tant importanti f’pajjiżna.

Zahra saħaq li Robert Arrigo kien twieled biex ikun wieħed mir-rappreżentanti tal-poplu, b’passjoni kbira f’dak kollu li kien jagħmel. Huwa saħaq li minkejja l-marda li ħakmitu, sa ġimgħa ilu kien għadu jaħdem u jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-MHRA bħala Shadow Minister għat-Turiżmu.

Huwa insista li se jibqa’ mfakkar fost oħrajn għad-dokument ta’ strateġija li ppubblika l-Partit Nazzjonalista “2+8 A Way Forward to Tourism Recovery.Tony Zahra insista li l-ideat li kien hemm f’dan id-dokument kienu jirriflettu l-esperjenza u l-għerf li kellu Arrigo f’dan is-settur. Huwa saħaq li dan id-dokument se jibqa’ relevanti u ta’ ispirazzjoni għaż-żminijiet li ġejjin. “Dan huwa parti mil-legat tiegħu.”

Tony Zahra stqarr li Robert Arrigo ħabbat wiċċu mal-isfida tal-marda b’dinjità u kuraġġ. Dan filwaqt li saħaq li Arrigo kien dejjem hemm għal persuni li kellhom bżonnu…kemm mil-lat politiku kif ukoll dak personali.