Aktar minn 30% tal-kumpaniji barranin ibbażati f’Malta mhux jaraw futur f’pajjiżna fl-10 snin li ġejjin. U aghar minn hekk, dan il-persentagg qed ikompli jizdied sena wara l-oħra.
Dan ħareġ mit-18-il edizzjoni tal-Malta Attractiveness Survey; stħarriġ ikkummissjonat mid-ditta EY fejn intwera kif 69% tal-investituri barranin jaraw lil Malta bħala pajjiż attraenti biżżejjed sabiex jissoktaw bl-investiment fih.
Il-partner ta’ EY Ronald Attard saħaq li sa ftit tas-snin ilu l-labor force f’pajjiżna kien meqjus bħala fattur pożittiv. Madanakollu fl-aħħar snin dan beda jnaqqas mis-saħħa tiegħu.
Qed jiġi nnutat ukoll nuqqas ta’ ħiliet fuq il-post tax-xogħol b’34% biss qed jisħqu li qed isibu ħiliet speċjalizzati fil-qasam tan-negozju.
Huwa saħaq li r-reazzjoni naturali tkun li tfittex lil’hinn mill-pajjiż madanakollu hemm bżonn li tinstab soluzzjoni effettiva sabiex dan ma jaffettwax il-kwalità tal-ħajja tagħna, għaliex dejjem irridu nżommu f’moħħna ċ-ċokon fiżiku ta’ pajjiżna.
Attard sostna wkoll li ċ-ċittadini jidhru li qed iħossu l-għejja ta’ kostruzzjoni kontinwa u żvilupp mhux sostenibbli filwaqt li staqsa jekk il-klima soċjali u l-infrastruttura eċċellenti tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna hux biżżejjed biex nikkonvinċu aktar investiment barrani jibqa’ jew jiġi f’pajjiżna.
Fl-istess konferenza….Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, saħqet li l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni…bil-konsegwenza li l-fatti juru li dan kollu qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Marisa Xuereb insistiet dwar il-bżonn urġenti li naħsbu f’mod ġdid ta’ kif nħadmu l-ekonomija Maltija.
L-istħarriġ tal-EY wera li meta ċ-ċifri ġew ikkumparati mas-sena preċedenti kien hemm żieda ta’ 21% fuq kemm pajjiżna jiġbed Investiment Dirett Barrani madanakollu xorta waħda mhux qed jilħaq il-livelli ta’ qabel l-2020.
L-akbar riskji li l-kumapniji qed jaraw li jaf jaffettwa lil Malta fit-3 snin li ġejjin huma n-nuqqas ta’ ħiliet fil-qasam tax-xogħol …b’54%….filwaqt li 36% jemmnu li l-problema r-reputazzjoni.
Ġie spjegat li l-aktar ħaġa li qed iżżomm impjegati barranin milli jiġu jaħdmu Malta huma l-prezzijiet elevati tad-djar kif ukoll l-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>