Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier – Is-seba’ ġurnata: Tasal l-ewwel rebħa għal Pietà Hotspurs

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Gowl uniku skurjat fit-tieni taqsima mis-sostitut Amadou Camara kien biżżejjed biex Pietà Hotspurs kisbu l-ewwel rebħa u l-ewwel punti tal-istaġun dan wara li huma għelbu lil Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 1-0. Din ir-rebħa waslet wara sitt telfiet konsekuttivi minn Pietà li b’dawn it-tlett punti leħqu lill-istess avversarji tagħhom. U wieħed ta’ min jinnota wkoll li din kienet l-ewwel darba li l-Hotspurs ma’ sofrewx gowl. Rebħa u clean sheet, żewġ aspetti pożittivi. Żebbuġ Rangers naqsu li joffru sfida denja matul din il-partita diretta fejn anki meta kienu bi player aktar fl-aħħar għoxrin minuta tal-partita xorta waħda ftit li xejn impressjonaw. Il-pjan tattiku ta’ Pietà kien aktar offensiv u dan possibilment ħasad xi ftit lill-avversarji tagħhom. Il-logħba li jmisshom il-Hotspurs hija kontra t-tim tal-qiegħ Santa Lucia fejn din tista tkun logħba li tkompli ttella’ aktar il-fuq lil dan it-tim promoss.

Ħamrun Spartans żammew l-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier dan wara li fil-partita tant mistennija mis-seba’ ġurnata huma sfaw miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Birkirkara. B’hekk l-Ispartans fallew milli jżommu r-rekord ta’ mija fil-mija rebħ dan l-istaġun iżda fl-istess ħin baqgħu żewġ punti fuq l-avversarji tagħhom. L-ewwel taqsima kienet kompletament dominata minn Ħamrun Spartans li fallew tlett ċansijiet ċari ta’ skor kif ukoll laqtu l-lasta. Fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta l-logħba kienet aktar bilanċjata fejn l-Istripes dehru aktar kompatti u organizzati. Il-kowċ ta’ Ħamrun Nisevic beda bi pjan tattiku offensiv b’Jonny u Dodo bħala attakkanti u Elvis Mashike warajhom. Mill-banda l-oħra aktar prudenti Birkirkara, konxji wkoll mill-qawwa avversarja, fejn lagħbu b’attakkant wieħed bil-midfielder mill-Ghana Simon Zibo jiddebutta u jħalli mpatt. Kollox ma’ kollox riżultat ġust bejn żewġ timijiet li jidher ser ikunu qed jissieltu għall-unuri dan l-istaġun.

(Ritratt: Joseph Galea)

Gudja fallew iċ-ċans li jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika dan wara li huma tilfu kontra Marsaxlokk f’logħba missielta u kumbattuta li ġabet fi tmiem tagħha s-seba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier.  Kienu Gudja li ddominaw l-ewwel mumenti tal-partita iżda minkejja ħinijiet twal ta’ pussess ftit li xejn kienu effettivi quddiem il-lasta. Biex wara taqsima li għalqet mingħajr gowls, it-tieni ħamsa u erbgħin minuta kienu aktar pjaċevoli. Fil-fatt ix-Xlukkajri fetħu l-iskor mill-ħdax-il metru u wara li huma rduppjaw l-iskor, l-avversarji tagħhom wettqu reazzjoni li ġabitilhom gowl biex l-aħħar mumenti tefgħu kollox fuq l-attakk minkejja li dan kien kollu għal xejn. Għal M’Xlokk din kienet it-tieni rebħa tal-istaġun biex issa telgħu fuq tmien punti f’pożizzjoni aktar komda fil-klassifika.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Valletta sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva meta fi tmiem il-ġimgħa huma sfaw megħluba minn Mosta. Kienet rebħa u tlett punti importanti għal Mosta filwaqt li din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għall-Beltin. Huma issa jinsabu b’5 punti biss, żewġ punti biss aktar mit-tim ta’ qabel tal-aħħar u erba’ fuq tal-aħħar. U issa jmisshom logħba kontra wieħed mill-aktar timijiet fil-forma, Gżira United. Fil-logħba kontra Mosta dehru tim nieqes mill-motivazzjoni fejn Mosta, speċjalment wara li ħadu l-vantaġġ bdew ikunu kontinwament fuq l-offensiva bil-kontrattakki tajbin tagħhom. L-eks Roderick Briffa kellu partita tajba għal Mosta kif kellhom ukoll Okoh u Diarra. Min naħa Beltija ftit li xejn hemm xi tgħid ħlief li l-futur  jidher imnċajpar ħafna fejn tim b’tant glorja jinsab f’dik il-pożizzjoni.

(Ritratt: Joseph Galea)

Gżira United kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lil Floriana f’waħda mill-partiti prinċipali ta’ tmiem din il-ġimgħa. Rebħa li fissret li l-Maroons issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’punti daqs Birkirkara. It-tim immexxi minn Darren Abdilla kien xi ftit superjuri għall-avversarji minkejja li l-Greens kellhom il-mumenti tagħhom ukoll. Din it-telfa fissret li Floriana jibqgħu jżommu post f’nofs il-klassifika bi tmien punti minn seba’ logħbiet. Il-pressjoni jidher li qed tikber fuq il-kowċ Atzori  li wara logħba kontra Mosta għamel żewġ bidliet fil-formazzjoni inizjali fejn Spiteri u Juarez bdew flok Rutjens u De Grazia. Mill-banda l-oħra għall-Maroons Scerri ħa post Riascos. Il-konsistenza hija l-bażi ta’ kollox u bħalissa l-Greens neqsin minnha ħafna.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Żewġ gowls minn Jake Grech dawru r-riżultat favur Hibernians fid-derby tan-naħa t’isfel kontra Santa Lucia biex kisbu rebħa bl-iskor ta’ 3-2. B’hekk it-tim Pawlist, Champions renjanti, wara bidu diffiċli għall-kampjonat issa kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva biex bil-mod il-mod qed javvanzaw aktar il-quddiem fil-klassifika.  Is-sitt telfa għas-Saints li fissret li issa jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika.  Kienu s-Saints li fetħu l-iskor kmieni fil-partita biex Hibernians urew karattru biex qalbu l-miżien favur tagħhom. Santa Lucia issa għandhom logħba delikata kontra Pieta Hotspurs, konfront bejn l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika. Għal Hibernians test bl-isem ta’  Gudja United fejn din żgur ser tkun waħda mill-aktar partiti diffiċli s’issa għalihom.

Logħba li ftit offriet u li rriżultat bħala waħda tedjanti kienet dik li laqqgħet lil Balzan ma’ Sirens u li spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls. Rebħa għal Balzan kienet tfisser li dawn jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika u anki wara l-wirjiet li kellhom fl-ewwel parti tal-istaġun kulħadd stenna xi ħaġa aktar mit-tim immexxi minn Oliver Spiteri. Iżda Balzan sabuha diffiċli ħafna sabiex jinfdu lid-difiża avversarja apparti li fallew penalty li seta bidel kompletament l-andament tal-partita.  Mill-banda l-oħra Sirens ħadu punt iżda xorta waħda għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun flimkien ma’ Santa Lucia.  Iż-żewġ kowċis għamlu l-bidliet neċessarji mill-aħħar logħbiet tagħhom iżda xorta waħda ftit kienu effettivi.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

INNUTAJNA

LI  xeni tal-films waqt logħba mill-Kampjonat ta’ taħt l-erbatax-il sena li ntlagħbet f ‘Kordin il-Ħadd filgħodu bejn San Ġwann u Valletta. Ġenituri nvoluti bl-użu ta’ ġebel li żgur mhux reklam tajjeb għall-futbol Malti. Kelma waħda tiddeskrivi dan kollu – Mistħija.

LI  matul din il-ġimgħa mistennija żviluppi f’dak li jirrigwardja l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti. Huwa mifhum li quddiem l-MFA hemm diversi għażliet li jidher li kollha huma ta’ kowċ barrani iżda sorsi viċin l-assoċjazzjoni qed isostnu li l-MOU iffirmat mal-Federazzjoni Spanjola ftit tal-ġranet ilu  jista jkun indikattiv.

LI fuq il-pożittiv nhar il-Ħamis li għadda Malta kienet rappreżentata mir-referee Philip Farrugia li kkontrolla l-logħba mill-fażi tal-Gruppi tal-Uefa Europa League bejn Istanbul Basaksehir u RFS tal-Latvja. Huwa kien assistit minn Alan Camilleri u Duncan Sultana bir-raba’ uffiċjal ikun Ishmael Barbara. Ta’ min jinnota li l-Venue Operations & Broadcast Manager kienet Catherine Micallef. Prosit lil kulħadd.