Il-qawwiet tar-Russja mill-ġdid sparaw burraxka ta’ missili fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna u bir-riżultat li bnadi sħaħ ta’ Kiev u bliet oħrajn spiċċaw mingħajr dawl u ilma. L-attakki qed isiru bħala parti mill-politika tal-Kremlin biex jintimida u jiddemoralizza lill-poplu Ukren qabel jidħol sew l-istaġun tax-xitwa.
L-aħħar sparatura tal-missili ħalliet numru ta’ nies mejtin fil-kapitali, b’missila minnhom tolqot l-inħawi fiz-zona ta’ power station viċin ix-Xmara ta’ Dnipro.
Sadanittant, il-provvista tad-dawl inqatgħet f’Zhytomyr, lejn il-Punent ta’ Kiev, waqt li żewġ faċilitajiet fi Dnipro ġarrbu l-ħsarat kbar.
L-attakki seħħew xi 24 siegħa wara li Kiev kien intlaqat mid-drones waqt attakk speċifiku mill-Armata Russa. Dawn id-drones ta’ manifattura Iranjana spiċċaw joqtlu u jferu lil numru ta’ nies fi Kiev kif ukoll fil-belt ta’ Sumy. Intant, intlaqtet anki l-infrastruttura li hi kritika ħafna għall-poplu Ukrajna fost il-qtugħ tad-dawl għall-mijiet tal-ibliet u l-villaġġi.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky tkellem dwar din is-sitwazzjoni u kkonferma li fl-aħħar ġimgħa, l-attakki tar-Russi qerdu mat-30 fil-mija tal-power stations fl-Ukrajna, bir-riżultat li diversi reġjuni Ukreni, bħalissa, għaddejjin minn blackouts kontinwi.
Dan waqt li r-Russi qed iżidu l-attakki fuq il-faċilitajiet kruċjali għaċ-ċivili Ukreni u li jinsabu ‘il bogħod mill-kampijiet tal-battalja. Filwaqt li l-Ukreni qed jagħmlu minn kollox biex isewwu l-ħsarat, dawn l-attakki qegħdin iqajjmu l-inkwiet kbir dwar kif is-sistema tad-dawl fl-Ukrajna se tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħteġiet sostanzjali għal matul ix-xitwa.
Fl-aħħar sigħat, is-Sindku ta’ Zhytomyr, qal li ma kien hemm l-ebda dawl jew ilma f’din il-belt u li l-isptarijiet fl-inħawi kienu qed jiddependu kompletament fuq il-ġeneraturi. Sadanittant, l-attakki fuq il-faċilità tal-enerġija fi Kiev irriżultat fi blackout totali għaz-zona ta’ Troyeschyna li spiċċat ukoll mingħajr dawl.
Ajruplan Russu jibqa’ dieħel fi blokk ta’ appartamenti
Fi żviluppi oħra, ħarġet il-konferma li mietu talanqas tlettax wara li ajruplan militari Russu tat-tip fighter bomber ikkraxxja fi blokk ta’ appartamenti fil-belt ta’ Yeysk, lejn in-nofsinar tar-Russja.
Iż-żewġ piloti tal-ajruplan, Su-34, kienu qegħdin jagħmlu titjira ta’ prova qabel l-inċident u rnexxielhom jaqbżu mill-ajruplan qabel dan baqa’ dieħel direttament fil-bini fost in-nirien kbar. L-awtoritajiet ikkonfermaw li hemm ukoll it-tfal fost il-vittmi u li talanqas 70 persuna kienu salvati min-nirien li ħakmu lill-blokk tal-appartamenti.
//= $special ?>

