Internazzjonali

Franza: Għadab u ferment politiku wara l-omiċidju ta’ tifla

Il-poplu Franċiż jinsab ixxukkjat u mgħaddab wara l-omiċidju ta’ tifla ta’ 12-il sena li l-katavru tagħha nstab f’bagalja tal-plastik fuq ir-roti f’Pariġi. Fil-fatt, il-katavru tal-vittma, bl-isem ta’ Lola, kien instab fil-bitħa ta’ barra l-blokk ta’ appartamenti fejn hi kienet tgħix.

Intant, mara ta’ 24 sena qed tinżamm taħt arrest fuq suspett ta’ omiċidju, stupru u atti ta’ tortura. Aspett ieħor li qed iqanqal rabja kbira hu l-fatt li s-suspettata hi immigranta mill-Alġerija li kienet ingħatat direttiva biex titlaq minn Franza.

Issa, l-avversarji politiċi tal-Gvern immexxi mill-President Franċiż Emmanuel Macron qegħdin jakkużaw lill-amministrazzjoni dwar aġir ‘li ma ħarisx l-interessi tal-vittma u familtha’.  Marine Le Pen, li tmexxi lill-partit radikali tal-lemin Rally Nazzjonali, kienet fost l-ewwel li kkundannaw il-politika ‘laxka’ tal-Gvern għall-immigrazzjoni waqt diskors imqanqal fil-Parlament.

Le Pen enfasizzat li l-persuna suspettata fil-qtil barbaru ta’ Lola lanqas biss messha kienet qed tgħix fi Franza, waqt li kritikat lil Macron u lill-Gvern ‘talli mhumiex iwettqu politika effettiva fil-konfront tal-immigrazzjoni klandestina’.

Il-vittma kienet sparixxiet nhar il-Ġimgħa meta suppost li kellha timxi lura lejn id-dar mill-iskola. Ir-residenza ta’ Lola tinsab fid-dsatax-il distrett ta’ Pariġi fid-direzzjoni  tal-grigal, bil-katavru ta’ Lola jinstab filgħaxija, ftit sigħat biss wara li qrabatha nnutaw li hi ma waslitx id-dar fil-ħin li suppost.