Sport

Ibburdjar: Illum issir il-Yachting Malta Coastal Race

Madwar il-kosta Maltija, llum ir-Royal Malta Yacht Club se tkun qed torganizza il-Yachting Malta Coastal Race.

It-tiġrija ta’ ġurnata, hija opportunità perfetta għall-flotta internazzjonali biex tiffamiljarizza ruħha mal-kosta Maltija qabel l-avveniment ewlieni, it-43 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race li tibda nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru.

Il-Yachting Malta Coastal Race żdiedet fil-popolarità matul l-aħħar snin u dejjem tkun tellieqa kompetititiva. Huwa mistenni li jieħdu sehem ‘il fuq minn 50 jott, numru li mistenni jaqbez il-parteċipazzjoni ta’ 42 dgħajsa tas-sena l-oħra. Il-flotta tal-2022 tinkludi stampa tat-timijiet li qed jinġabru f’Malta għar-Rolex Middle Sea Race.

Il-Yachting Malta Coastal Race se tibda fl-10am minn Tigné Point, fid-daħla tal-Port ta’ Marsamxett, qrib ir-Royal Malta Yacht Club. It-tellieqa se ssegwi korsa lejn Kemmuna. Il-limitu tal-ħin huwa sal-5pm, fejn il-jottijiet mistennija li jispiċċaw barra Tigné Point.

Ir-rebbieħ ġenerali tal-Yachting Malta Coastal Race se jiġi deċiż mill-aħjar ħin korret taħt l-IRC Rating System. Jingħataw ukoll premjijiet ta’ klassi individwali f’ċerimonja tal-għoti ta’ premjijiet organizzata waqt ir-Riċeviment għas-Sidien, nhar l-Erbgħa filgħaxija.