Lokali Parlament

Il-biedja u s-sajd għandhom ikunu l-ewwel prijorità

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella biex il-biedja u s-sajd jingħataw l-ewwel priorità mill-gvern u biex il-gvern jagħmel iktar konsultazzjoni biex ir-riformi jkunu dawk li jridu l-bdiewa.

Fil-parlament Toni Bezzina sellem il-memorja tal-ex Viċi-Kap tal-PN Robert Arrigo u qal li Robert Arrigo kien rispettat mill-poplu kollu għall-karità li kien jagħmel. Hu sellem ukoll il-memorja ta’ Twanny Agius, missier id-deputat Nazzjonalista David Agius.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-emendi għall-Att li jemenda t-Tiġdid tal-Kiri tar-Raba’ kien ilu mistenni għal snin twal. Għaxar snin ilu l-prezz tar-raba’ kien bejn €25,000 u €35,000 kull tommna iżda llum kull tommna telgħet għal €120,000. Minkejja dan id-dħul tal-bidwi bil-prodotti agrikoli tiegħu baqa’ l-istess waqt li l-ispejjeż żdiedu inkluż il-prodotti li l-bidwi jrid jixtri.

Dan qed jagħmilha impossibbli li l-bdiewa jixtru r-raba’, sostna Toni Bezzina, li qal li art tal-gvern ingħatat b’kirja ta’ €2,500 kull sena wara li nħarġet offerta. Jekk mhux se jkun hemm azzjoni fil-qasam tal-bdiewa, il-pajjiż jista’ jispiċċa bla bdiewa.

Ma’ din il-liġi kienet introdotta wkoll white paper iżda jibqa’ l-fatt li naqra laxkar mill-gvern fuq kirjiet ta’ art agrikola effettwat il-prezzijiet tar-raba’ tant li splodew il-postijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-abbozz kellu jitressaq quddiem il-parlament wara li tintemm il-konsultazzjoni u mhux qabel. Hu staqsa fuq liema kriterji se jkunu stamti l-artijiet agrikoli.

Toni Bezzina tkellem dwar il-kirjiet residenzjali tal-irziezet u qal li jista jkun hemm kirjiet ta’ madwar €20,000 fis-sena għalkemm il-gvern se japplika s-sussidju għalkemm fuq l-ammont ta’ €10,000 jrid iħallas il-bidwi.

Dan jista’ jwassal biex il-bdiewa joħorġu mill-irziezet li huma jgħixu fihom ħdejn l-għelieqi tagħhom. Għandu jkun ikkunsidrat il-capping tal-ammont li l-gvern jista’ joħroġ.

Ma jissemma’ xejn fuq irziezet tar-raħħala u fuq il-mod kif dawn se jkunu evalwati. Dwar il-kirja li tibqa’ l-istess għal tmien snin, id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jkun evalwat jekk dan il-perjodu hux qasir minħabba li l-investiment tal-bdiewa jkun fuq perjodu fit-tul. Hemm ukoll amssimu ta’ 16-il sena.

Toni Bezzina qal li is-self li l-bdiewa jagħmlu mill-banek m’għandhomx ikunu ikkunsidrati bħala personal loan iżda bħala investiment kummerċjali.

L-abbozz fih tliet pilastri; kif se tkun definita art agrikola, id-definizzjoni ta’ bidwi ġenwin u kif se tkun stmata l-art agrikola.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kirjiet għandhom ikunu iktar raġonevoli u sostna li hemm ukoll il-problema tal-part-time farmers u jekk dawn hux se jkunu rikonoxxuti bħala bdiewa attivi. Hu appella biex il-part-time farmers ikunu rikonoxxuti bħala bdiewa ġenwini.

Toni Bezzina tkellem dwar il-white-paper fuq ir-riforma fil-qasam tal-bdiewa u sostna li l-PN se jkun qed iressaq il-proposti tiegħu. Dwar il-ħoqlien ta’ Awtorità responsabbli mir-raba’ privata, Toni Bezzina qal li hemm proposti li għandhom japplikaw kemm għar-raba’ tal-gvern kif ukoll għar-raba’ priavata. Kull art argikola għandha tkun immaniġġjata mill-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd u mhux mid-Dipartiment tal-Artijiet, sostna Toni Bezzina.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex il-funzjoni tal-awtoritajiet hi marbuta biss ma’ raba’ privat u mhux ma’ raba’ tal-gvern ukoll. Dwar żoni agrikoli li għandhom ikunu stabbiliti, Toni Bezzina qal li m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn art agrikola u dik tal-gvern.

Dwar il-katast għall-bejgħ tar-raba’, Toni Bezzina staqsa għaliex ma jinżamx katast ta’ art agrikola mill-gvern lill-bdiewa. Hu appella biex art li mhix tinkera għar-raba’ tibda tinkera lill-bdiewa waqt li għandu jkun ikkunsidrat li art li mhix agrikola tkun konvertita f’art agrikola.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm distinzjoni bejn persuna li għandha l-bdiewa bħala passatemp u dawk li jaqilgħu x’jieklu mill-bdiewa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-bdiewa żgħażagħ billi jingħataw art x’jaħdmu u jingħataw appoġġ biex jinvestu fuq sistemi ġodda ta’ biedja.

Fl-agrikoltura mhux isir investiment biżżejjed, sostna Toni Bezzina, li kompla li dan is-settur għandu jkun l-ewwel prijorità tal-gvern. Hu qal li l-prodotti agrikoli mhux iġibu prezzijiet ġusti fil-pitkalija u appella biex xogħol ir-raħħala, il-bdiewa u s-sajjieda jkunu rikonoxxuti.