Lokali

Il-Gvern jibqa’ jżomm San Vinċenz de Paul qisu ħabs

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax tibqa’ aktar sieket meta jara l-mod kif qed ikunu ttrattati l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

Minkejja li l-Ministru Jo Etienne Abela kien wiegħed li l-miżuri ta’ sigurtà li ttieħdu meta Carmelo Fino ħarab minn San Vinċenz kienu se jiġu rrilaxxati u, minkejja li lbieraħ reġa’ ċaħad li San Vinċenz sar ħabs, mit-28 ta’ Ġunju li għadda sal-lum, din ir-Residenza fil-verità nbidlet f’ħabs, tant li l-anzjani lanqas biss jistgħu jagħmlu l-ebda pass mingħajr permess jew jekk ma jkunux akkumpanjati.

Minkejja li l-Ministru qal li ma kienx hemm falliment fis-sistema u tefa’ l-ħtija kollha tal-għajbien tal-anzjan fuq il-ħaddiema, illum f’San Vinċenz hemm ħames kumpaniji tas-sigurtà b’membri tas-sigurtà kull fejn tħares.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex il-Ministru għażel li jikkonverti San Vinċenz f’ħabs meta ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni mill-Imħallef Geoffrey Valenzia biex jiżdiedu n-numru ta’ uffiċjali ta’ sigurtà? Min iddeċieda li din hi l-aħjar soluzzjoni biex traġedja bħal din, li l-Gvern ma refa’ l-ebda responsabbiltà tagħha, ma terġax isseħħ?

Għall-Partit Nazzjonalista, is-sigurtà tal-anzjani u ta’ dawk li jbatu mid-dimensja tibqa’ l-akbar prijorità.

Madankollu, ma jista’ qatt jaċċetta li l-privatezza, il-libertà u d-dinjità tal-anzjani tagħna jkunu mkasbra mill-Gvern. Għaldaqstant, qed jerġa’ titlob lill-Gvern biex jirrevedi l-pożizzjoni drastika li ħa u jagħti lura d-dinjità li seraq lill-anzjani tagħna.