Il-qawwiet tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed iħejju offensiva kbira fuq ir-reġjun ta’ Kherson li kien fost l-ewwel zoni li waqgħu f’idejn it-truppi tar-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna lejn l-aħħar jiem ta’ Frar.
Fl-aħħar sigħat, f’Kherson, kienet għaddejja l-evakwazzjoni ta’ uffiċjali lokali maħtura mir-Russja flimkien ma’ eluf ta’ residenti — bil-gwerra tidher li qed iddur dejjem aktar kontra l-Kremlin u l-President Vladimir Putin. Dan ukoll waqt li l-Ġeneral Sergei Surovikin, il-Kmandant militari ġdid tar-Russi, fisser is-sitwazzjoni f’Kherson bħala ‘diffiċli ħafna għat-truppi tiegħu’.
Kien ippjanat li għexieren ta’ ċivili jitilqu minn erba’ bliet ta’ Kherson maġenb ix-Xmara Dnieper lejn il-Punent fost il-filmati tas-sriebet tan-nies jistennew biex jirkbu fuq id-dgħajjes. Intant, sitwazzjoni fejn qawwa barranija tipprova tittrasferixxi jew tiddeporta liċ-ċivili minn territorju okkupat hi kunsidrata bħala reat tal-gwerra.
Hu minnu wkoll li l-qawwiet Russi jistgħu jinsabu f’xifer ta’ waħda mill-agħar disfatti militari kemm ilhom li daħlu fl-Ukrajna – u meta Moska, anqas minn xahar ilu, kienet organizzat ċerimonja biex tiddikjara lil Kherson u reġjuni Ukreni oħra bħala ‘estensjoni tat-territorju tar-Russja’.
Ir-Russi, issa, qed jistennew offensiva ewlenija fuq Kherson minn ħin għall-ieħor u qalu li huma ma kenux beħsiebhom iċedu jew jirtiraw mill-inħawi.
Sadanittant, l-Ukrajna qed tiċħad l-akkużi tar-Russi fis-sens li l-Armata tagħha qed tippjana biex teqred id-diga ta’ Kakhovka, maġenb ix-Xmara Dnieper, bil-ħsieb li l-madwar, fosthom l-ibliet, jispiċċa mgħarraq.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Viċi-Sindku ta’ Kherson li qed jgħix f’eżilju qal li llum, f’Kherson, fadal biss mal-100,000 minn fost it-320,000 residenti ta’ qabel il-gwerra.
Min-naħa tiegħu, Ivan Fedorov, bħala s-Sindku ta’ Mariupol li hu okkupat mir-Russi, wissa li ċ-ċivili ta’ Kherson qed jiffaċċjaw deportazzjoni sfurzata skont pjan tar-Russja biex timla l-inħawi ‘bis-suldati u Ukreni tradituri’. L-Ukrajna qalet li, sallum, mat-2.5 miljun ċittadini Ukreni spiċċaw iddeportati minn pajjiżhom lejn ir-Russja kontra qalbhom.
Iżda xejn anqas sinifikanti hu l-fatt li, fi ftit ġimgħat biss, il-militar Ukren irnexxielu jaħtaf lura ammont ġmielu ta’ territorju waqt li qed javvanza fl-artijiet lejn in-nofsinar tad-Dnieper. Dan fost sinjali li l-Ukreni jistgħu dalwaqt jiċċirkondaw lis-suldati Russi li qed jiddefendu l-art ta’ Kherson.
//= $special ?>

