In-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar qed jiżdied. Dan aktar u aktar biż-żieda fl-inflazzjoni reġistrata l-aktar fl-aħħar xhur.
Dan hu dak li qalet permezz ta’ stqarrija mill-Forum ta’ kontra l-faqar hekk kif iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, inklużi żidiet drastiċi fil-ħtiġijiet bażiċi li jinkludu oġġetti bażiċi tal-ikel u medikazzjoni qed jitfgħu aktar piżijiet fuq għadd ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Il-Forum qalet li s-sussidji huma soluzzjoni tajba għal żmien qasir biss u peress li dawn is-sussidji jkunu ġejjin minn fondi pubbliċi, fit-tul se jkollhom impatt fuq l-inflazzjoni. Mill-ġdid ġie mtenni li jeħtieġ revizjoni fil-mod kif tinħadem il-COLA għax din hija bbażata fuq l-inflazzjoni tal-passat u dan ma jikkumpensax għaż-żieda preżenti fl-għoli tal-ħajja.
Huma tennew ukoll li għandhom riservi fuq is-suq ħieles u kemm dan fir-realtà qed jħalli impatt fuq il-fqir, jew dawk f’riskju ta’ faqar.
Il-Forum ta’ kontra l-faqar qal li huwa importanti li ssir aktar riċerka u studji biex ikun mifhum u magħruf ix-xenarju reali dwar l-effetti tal-inflazzjoni fuq is-soċjetà.
Il-Forum kompla billi qal li l-Gvern jeħtieġ fost l-oħrajn jara li jkun hemm żieda u tisħiħ fil-miżuri biex tkun żgurata l-effettività u fl-istess ħin, jitnaqqas l-abbuż ta’ sistemi li huma maħsuba biex jassistu lil dawk li huma f’riskju ta’ faqar, studenti u persuni żvantaġġati. Miżuri bħal dawn għandhom jinkorporaw skemi ta’ taħriġ u ta’ ħidma. Intqal ukoll li għandu jkun żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa minn reklamar manipulat apposta u jkunu qed jirċievu valur għall-flus, dan ukoll jillimita l-abbuż taż-żidiet fil-prezzijiet fejn mhux meħtieġ.
//= $special ?>