Din mhux l-ewwel darba li ġrat, anzi kollox jindika li minn kawżi li hemm pendenti jidher li ħafna persuni qed jispiċċaw ikollhom il-qtugħu f’benefiċċji soċjali minħabba rapporti li jsiru minn terzi persuni. Numru minn dawn il-każijiet qegħdin jispiċċaw fil-Qorti u dan minħabba li riħ bla xita anke meta ma jkunx seħħ abbuż, nies qed jispiċċaw bla għajnuna anke fuq sempliċi rapport anominu.
F’każ reċenti Imħallef spiċċa biex ċanfar lill-ispetturi tas-sigurtà soċjali li marru fid-dar ta’ mara biex jinvestigaw informazzjoni anonima dwar frodi tal-benefiċċji u qallbu fl-affarijiet personali tagħha f’dik li l-Qorti sejħet “fishing expedition”.
“Aktar milli jsegwi sistema strutturata, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jagħżel li joqgħod fuq rapporti anonimi mingħajr ma jkun jaf l-intenzjoni tal-persuna li għamlithom,” qal l-Imħallef Lawrence Mintoff, li mhux l-ewwel darba li ġew każijiet quddiemu ta’ din ix-xorta.
Id-dipartiment bbaża ruħu fuq “investigazzjoni minn żewġ spetturi li spezzjinaw id-dar tal-mara, qallbu fil-ħwejjeġ personali tagħha għal evidenza.F’appell li sar minn Miriam Attard, li d-dipartiment kien qed jiġri warajha biex tirrifondi kważi €12,000 f’pagamenti tas-sigurtà soċjali li jkopru minn Diċembru 2017 sa Jannar 2020.
Il-Qorti semgħet li d-deċiżjoni fil-konfront tagħha ttieħdet wara li saret spezzjoni fid-dar tagħha wara żewġ rapporti anonimi li qalu li ma kinitx qed tgħix id-dar u r-rapport jgħid li mhux minnu li din kienet bla mpieg iżda kienet qed timmanifattura figurini tal-Playmobil.
L-ispetturi tas-sigurtà soċjali xehdu li sabu ħwejjeġ ta’ raġel fid-dar tagħha f’ammont żgħir, u b’hekk ssuspettaw li ma kinitx qed tuża d-dar b’mod permanenti. Il-friġġ kien fih biss fliexken tal-ilma filwaqt li l-friża kien kompletament vojta. Meta ffaċċjat dawn id-domandi, qaltilhom li l-ħwejjeġ kienu ta’ binha.
Meta staqsewha dwar il-figurini tal-Playmobil, qalet li kienet qed tgħin lil oħtha għax ma setgħetx tlaħħaq mal-benefiċċji soċjali waħedha. Madankollu, sussegwentement qalet lill-Qorti li ma kienx xogħol imħallas, għalkemm oħtha ġieli xtratilha l-ikel.
Wara l-ispezzjoni, id-dipartiment talabha biex tirrifondi xi €11,400, li qalet li “jkissruha finanzjarjament”. Meta kkunsidra l-appell tagħha, l-Imħallef Mintoff innota li l-ispetturi ma infurmawhiex bir-raġuni vera li kienu qed jispezzjonaw id-dar tagħha u kien biss wara li fetħet kull kexxun u gwardarobba li qalulha bir-rapporti li kellhom.
Huwa ċanfar wkoll lid-dipartiment talli naqas milli jinforma lill-mara bir-raġuni għaliex kienet qed tintalab tagħti lura l-flus, u qal li dan jikser l-aktar prinċipji bażiċi tal-ġustizzja naturali. Qal li huwa evidenti li l-każ ittieħdet mingħajr ebda konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-mara.
Hekk kif revoka l-ordni, l-imħallef qal li l-qorti tistenna li d-dipartiment iġib aktar evidenza tanġibbli ta’ impjieg milli ammissjoni li l-mara kienet sempliċement qed tgħin lil oħtha timmanifattura figurini tal-Playmobil. Fost każijiet oħra simili kien hemm mara li qatgħulha s-servizzi soċjali għax ma sabux ġugarelli fid-dar tagħha peress li hija kellha t-tfal, liema tfal kienu jkunu għand in-nanna meta hija kienet tmur tagħmel xi qadja.
//= $special ?>