Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Covid-19, is-Sibt li ġej se jkun qed jirritorna l-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun organizzata mill-Kunsill ta’ din il-lokalità.
Il-festival se jkun ikkaratterizzat minn stands armati ovvjament biċ-ċikkulata, iżda mhux biss, ħafna minnhom se jkunu magħmulha kompletament miċ-ċikkulata, bl-iskultura f’din il-ħlewwa ma tonqosx.
Net News tkellem ma’ Tiziano Cassar, dulċier li qed jaħdem fuq skultura mdaqqsa magħmulha miċ-ċikkulata u li se tkun lesta kompletament waqt l-istess attività.
“Ovvjament jeħtieġ li wieħed jippjana sew qabel jibda jaħdem l-iskultura, l-ewwel ħdimt billi wettaqt disinn tal-iskultura ta’ raġel li żgur ħafna x’ħin jarawh se jagħrfu min hu” – Tiziano Cassar
Huwa qalilna li bħalissa x-xogħol qiegħed isir f’laboratorju apposta, filwaqt illi spjegalna kif eżatt tinħadem iċ-ċikkulata biex wieħed ikun jista’ jagħmilha fi skultura.
Il-Festival taċ-Ċikkulata se jkun qed jibda fil-5pm u jibqa’ għaddej sa nofsilejl. U se jkun provdut post għal parkeġġ għal dawk li jattendu fl-iskola ta’ Maria Regina u dik ta’ Maria Assunta.
Bla ebda dubju il-festival se jkun avveniment uniku li jagħti lill-viżitaturi opportunità speċjali biex igawdu firxa wiesgħa ta’ prodotti relatati taċ-ċikkulata, filwaqt li toħroġ ir-rabta storika li hemm bejn il-Ħamrun u l-produzzjoni taċ-ċikkulata f’pajjiżna.
Preżenti għal waqt il-konferenza tal-aħbarjiet imtella’ mill-Kunsilli Lokali tal-Ħamrun, kien hemm preżenti d-Deputat Kelliem tal-PN għall-Kunsilli Lokali, Darren Carabott.
Fid-diskors tiegħu Darren Carabott qal li avvenimenti bħal dawn huma xhieda ħajja ta’ kemm il-Kunsilli jistgħu jagħmlu biex isaħħu l-identità tal-lokal u kif dan kollu jkompli jagħti aktar raġun il-ħsieb u l-politika tal-PN fuq kemm jeħtieġ li l-Kunsilli Lokali jingħataw aktar awtorità u għodda biex jaħdmu.
//= $special ?>