Lokali

Kreditu għalik jekk tirriċikla l-mobile l-qadim

Bħala medja, kull persuna tibdel il-mobile tagħha kull sentejn jew tlieta. Għaldaqstant, Melita qed toffri kreditu ta’ €5 lil kull min jgħaddilha l-mobile l-qadim tiegħu, u dan b’risq l-għan tagħha li tkabbar l-għarfien dwar is-sostenibbiltà.

Matul din il-ġimgħa, sas-26 ta’ Ottubru, Melita se tmexxi kampanja dwar l-e-skart u se toffri, lil kull min iġib mobile qadim f’xi wieħed mill-ħwienet tagħha, kreditu ta’ €5 fuq il-kont (mhux għal kull handset), jew inkella kreditu ta’ €5 fuq prepaid SIM għal dawk li mhumiex klijenti tal-Melita.

Is-Senior Product Manager ta’ Melita qal, li l-mobiles huma magħmula minn ħafna materjali li jistgħu jerġgħu jiġu użati, u b’hekk titnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent. Ir-riċiklar jiżgura wkoll li sustanzi li potenzjalment jagħmlu ħsara jiġu trattati kif suppost, u mhux jitħallew jiddegradaw fil-landfills. Din hija opportunità favur l-ambjent li se tagħtik xi ħaġa lura u fl-istess ħin tifraħ biha għax tgħinek teħles mill-imbarazz.

Din il-kampanja qed issir wara li l-kumpanija riċentement ipparteċipat fil-ġimgħa għall-iżvilupp Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea, fejn aktar minn 100 impjegat ħadu sehem f’sensiela ta’ inizjattivi, fosthom il-ġbir ta’ 320 kilogramm ta’ skart waqt tindifa fil-bajja tal-Ġnejna.

L-impjegati ġabru wkoll b’kemm jiswew €682 f’vouchers tal-ikel – Melita tellgħet din is-somma għal €1,000 – li ngħataw lis-Soup Kitchen, flimkien ma’ ħames kaxxi kbar ta’ ikel.

Timijiet differenti fi ħdan il-Melita xtraw 34 siġra, li se jitħawlu mill-impjegati fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li €100 marru biex jinxtara rigal għall-kampanja ‘Children’s Dreams’, li hi mmirata lejn żgħażagħ vulnerabbli.