Xabbatura li kienet qed tikkompeti f’avveniment sportiv fil-Korea t’Isfel qed taqla’ it-tifħir tal-eluf ta’ Iranjani wara li hi ħadet sehem fl-avveniment mingħajr ma libset il-hijab – jew xalla tar-ras – skont il-liġijiet Iżlamiċi tal-Iran.
Iżda waqt li ħafna kompatrijotti qed isejħulha ‘eroj’, Elnaz Rekabi, l-atleta ta’ 33 sena, qalet li l-hijab kien ‘waqalha bi żball’ hi u tikkompeti fid-dixxiplina tal-free climbing waqt il-Kampjonati Asjatiċi tal-IFSC. Madankollu, l-osservaturi huma xettiċi ħafna dwar l-istqarrija ta’ Rekabi fuq l-Instagram u jemmnu li hi qalet hekk fost ‘il-pressjoni u l-intimidazzjoni’ min-naħa tar-reġim Iranjan.
Fil-preżent, il-Gvern Iranjan Iżlamiku qed jipprova jrażżan il-protesti tal-massa li qamu wara l-mewt ta’ mara li spiċċat arrestata mill-pulizija talli ma kenitx liebsa l-hijab skont ir-regoli.
In-nisa Iranjani huma rikjesti dejjem li jgħattu xagħarhom b’xalla u li jilbsu bi stil li jgħattilhom dirgħajhom u jdejhom. L-atleti nisa jridu wkoll jirrispettaw il-liġijiet Iżlamiċi waqt li jkunu qed jirrappreżentaw lill-Iran fil-kompetizzjonijiet sportivi ‘il hinn minn pajjiżhom.
//= $special ?>

