Internazzjonali

L-Iżvezja: Il-Gvern  ta’ Kristersson jeħtieġ li jiggverna bl-għajnuna tal-estremisti

Il-Prim Ministru ġdid tal-Iżvezja, Ulf Kristersson, fix-xhur li ġejjin se jmexxi Gvern ta’ koalizzjoni magħmul minn tliet partiti u fejn fost oħrajn mistenni li jintroduċi politika aktar riġida fir-rigward tal-immigrazzjoni. Dan ukoll fost il-konferma ta’ poteri akbar lill-pulizija, bħala parti minn ftehim li ntlaħaq bejn Kristersson (ritratt) u partit radikali tal-lemin li sar forza politika fl-Iżvezja.

Il-Moderati ta’ Kristersson qed jiggvernaw flimkien mad-Demokristjani u l-Liberali – iżda xejn anqas importanti mhu l-appoġġ tad-Demokratiċi Żvediżi, jew l-SD, li rebaħ mal-20 fil-mija tal-voti fl-aħħar elezzjonijiet.

Sadanittant, il-Gvern ta’ koalizzjoni Żvediż wiegħed li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jnaqqas mit-taxxi anki waqt li  jillimita l-benefiċċji għal xi setturi soċjali.

Iżda l-akbar attenzjoni qed taqa’ fuq il-politika għall-immigrazzjoni, bil-Kap tal-SD Jimmie Akesson isostni li l-Iżvezja għandha tħejji għal theżżiża f’dan is-settur. Hu qed jesiġi għal priorità ‘lil tliet pilastri partikulari’ li huma r-rispett għall-ordni, is-sens tar-raġuni u s-sens komun.

L-SD kien twaqqaf minn elementi li jissimpatizzaw man-Nażisti u kien ilu għexieren tas-snin imwarrab mill-partiti u votanti tradizzjonali. Iżda l-problemi tal-immigrazzjoni u r-reati vjolenti li qed iseħħu fl-Iżvezja aċċertaw li l-aġenda tal-SD kellha tispikka bħala element importanti tal-politika Żvediża waqt l-aħħar kampanja elettorali.

Il-media Żvediża sadanittant fissret il-kampanja elettorali ta’ din is-sena bħala nieqsa mir-rispett bejn l-avversarji politiċi u bħala waħda li konċentrat fuq l-aktar issues li qed jinkwetaw lill-poplu. Fil-fatt, iż-żieda drastika fil-vjolenza u reati oħra mwettqa mill-gangs kriminali fl-ibliet Żvediżi aċċertatw li ħafna Żvediżi kienu se jappoġġjaw politika speċifika għat-trażżin tal-kriminalità f’pajjiżhom.