Futbol Sport

Manchester United b’rebħa konvinċenti fuq Tottenham Hotspurs

(Ritratt: EPA)

F’Old Trafford Man Utd irreaġixxew wara d-draw diżappuntanti ta’ 0-0 kontra Newcastle, b’rebħa ta’ 2-0 kontra Tottenham Hotspurs. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls, huma fetħu l-iskor fis-47 minuta meta Jadon Sancho sab tajjeb lil Fred, li b’xutt fil-baxx xeħet fir-rokna tax-xibka għal 1-0. B’Tottenham ftit li xejn jidħlu fil-partita, Man Utd irduppjaw fid-69 minuta meta Eric Dier naqas milli jtajjar il-ballun, bi Bruno Fernandes japprofitta u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Hugo Lloris għal 2-0.

F’Anfield Liverpool komplew fejn ħallew fir-rebħa ta’ fuq Man City fi tmiem il-ġimgħa, meta għelbu lil West Ham United bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl uniku tal-partita wasal fit-22 minuta meta minn cross ta’ Kostas Tsimikas kien l-attakkant Urugwajan Darwin Nunez li bir-ras xeħet wara Lukasz Fabianski, għall-ewwel gowl tiegħu f’Anfield. Fil-45 minuta West Ham ingħataw penalty meta Joe Gomez deher iwaqqa’ lil Jarod Bowen fil-kaxxa, iżda t-tentattiv tal-istess Bowen kien salvat mill-goalkeeper Alisson, għal skor finali ta’ 1-0.

Chelsea kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 barra minn darhom għand Brentford. Protagonist għal Chelsea kien għal darb’oħra il-goalkeeper Spanjol Kepa Arrizabalaga li wettaq diversi saves importanti matul il-partita u għin lit-tim immexxi minn Graham Potter jikseb punt minn din il-partita diffiċli.

Riżultati

Bournemouth v Southampton 0-1, Liverpool v West Ham 1-0, Brentford v Chelsea 0-0, Newcastle v Everton 1-0, Man Utd v Tottenham 2-0