Lokali

“Ningħaqdu sabiex niksbu riżultati aħjar”

Il-Kummissjoni għad-drittijiet għall-Persuni b’diżabbiltà organizzat seminar illi fih ġie diskuss  kemm jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà Maltija u kemm hu kruċjali li wieħed japprezza aktar lill-persuni li min ħinhom jagħtu sigħat fil-volontorjat biex jassistu lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Preżenti għal dan is-seminar kien hemm Kelliem tal-PN għall-persuni b’diżabbiltà Graziella Galea fejn fid-diskors tagħha tkellmet dwar il-ħtieġa li wieħed jiġbed ħabel wieħed, dwar l-importanza li jkun hemm alleanza bejn NGOs differenti sabiex jinkisbu riżultati aħjar.

Hi tenniet li  l-għaqdiet volontarji għandhom jingħataw aktar għajnuna biex isaħħu l-ħidma tagħhom u biex fuq kollox permezz tal-ħidma li titwettaq titrawwem aktar il-kultura tal-inklużjoni.

Tul is-seminar kien hemm workshops fejn fost l-oħrajn ġew trattati dawn it-temi u kif ukoll temi oħra ta’ xi tfisser diżabbiltà, kemm dik viżibbli u anki li ma tidhirx. Issemma’ wkoll x’jista’ jsir biex ikun hemm rikonoxximent, kemm tal-kundizzjoni u anke tal-għaqda li tirrapreżentahom, iżda fuq kollox, il-bżonn li l-persuni b’abbiltajiet varji qatt ma jinżammu lura milli jgħixu kemm jista’ jkun ħajja normali.

Preżenti għal dan is-seminar kien hemm numru sabiħ ta’ membri li huma parti minn għadd ta’ għaqdiet volontarji fis-settur li ukoll esprimew it-tħassib u l-ideat tagħhom biex il-persuni b’diżabbiltà jkomplu jimxu ‘l quddiem fis-soċjetà Maltija.