Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey laqgħet talba minn naħa tal-NGO Repubblika biex il-Maġistrat Nadine Lia ma tismax proċeduri li saru minn Repubblika biex il-Kummissarju tal-Pulizija jipproċedi kontra diversi individwi magħżula mill-inkjesta tal-Bank Pilatus.
Il-proċeduri kienu ġew assenjati lil Lia, li normalment tiġi assenjata każijiet bħal dawn. Repubblika kienet mill-ewwel talbet lill-Maġistrat biex tirrikuża ruħha milli tisma’ dan il-każ għar-raġuni li hija miżżewġa lil iben l-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat Pawlu Lia.
F’deċiżjoni hekk imsejjħa storika l-Qorti laqgħet it-rikors magħmul mill-Avukat Jason Azzopardi biex hi ma tismax il-każ u li dan jgħaddi f’idejn ġudikant ieħor, bil-Qorti tgħid fid-deċiżjoni tagħha li l-Maġistrat Lia messa iirikużat ruħha mal-ewwel talba magħmula.
Din kienet l-ewwel darba li miżura interim ġiet applikati minn Qorti skond artiklu sitta li jirrigwardja smiegħ xieraq fuq il-parzjalità ta’ ġudikant. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li l-kawża għandha titkomokam imma mhux mill-Maġistrat Lia.
Lura f’Lulju li għadda il-Maġistrat Nadine Lia kienet ċaħdet talba ta’ Repubblika li tibda tisma’ mingħajr dewmien il-kawża ta’ challenge biex il-Pulizija jigu ordnati jaġixxu fuq il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Magisterjali tal-2021 fil-kaz ta’ Pilatus Bank.
It-talba ta’ Repubblika biex il-Qorti tordna lill-Pulizija biex tieħu azzjoni saret f’Ġunju li għadda. Dan wara li Repubblika saret taf li l-Kummissarju tal-Pulizija kien ilu 15-il xahar jinjora ordnijietbiex jieħu azzjoni kontra s-sid u d-diretturi tal-Pilatus Bank fuq id-delitti ta’ assocjazzjoni kriminali (conspiracy) u partecipazzjoni f’għaqda bil-ħsieb li jsiru reati kriminali, fost oħrajn, u biex jieħu azzjoni kriminali dwar trading in influence kontra Keith Schembri.
Dan minbarra li l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-Pilatus Bank ordnat li terga’ tinfetah l-Inkjesta EGRANT minħabba provi ġodda. Meta l-ilment ta’ Repubblika kien spiċċa quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, hija kienet appuntat l-ewwel smiegħ għas-27 ta’ Ottubru, li kien ifisser li din il-kwistjoni kellha titħalla mdendla għal mill-anqas erba’ xhur oħra, f’liema żmien dawk li suppost tittieħed azzjoni kontrihom ikomplu jingħataw kull opportunità jeqirdu l-provi li jista’ għad fadal kontrihom.
Minbarra hekk, Repubblika jidhrilha li minħabba l-kunflitt ta’ interess lampanti tal-Maġistrat Nadine Lia, li hi mart iben l-avukat tal-Partit Laburista u li kien l-avukat tal-istess Keith Schembri u kien ukoll l-avukat li talab il-ftuh tal-Inkjesta EGRANT, Repubblika kienet sostniet li l-ewwel seduta ta’ dan il-każ kellha titratta r-rekuża tagħha ghax huwa ovvju li l-Maġistrat Lia ma kellhiex dik l-indipendenza u imparzialità suġġettiva li kull Ġudikant għandu jkollu. Għax il-Ġustizzja trid tidher li qed issir.
I
//= $special ?>