Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela jippubblika minnufih id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2021. Huwa inaċċettabbli li meta kważi għaddiet is-sena 2022, il-Prim Ministru għadu s’issa ma ppreżentax fil-Parlament id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu kif inhu obbligu tiegħu li jagħmel.
Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Karol Aquilina.
Il-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel bħal Joseph Muscat, jippromwovi kultura ta’ ħabi u impunità billi jżomm sigrieta informazzjoni li għandha sservi biex hu u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jinżammu taħt skrutinju pubbliku u kontabbli għall-aġir tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalist jisħaq li d-dikjarazzjonijiet tal-assi jservu biex jinkixef l-abbuż ta’ poter u ġid li ma jistax jiġi spjegat u huma għodda kontra t-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni, in-nepotiżmu, il-kunflitti ta’ interess u l-ksib ta’ xi vantaġġ mhux dovut.
Din hija l-iktar darba li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari ser jiġu ppreżentati tard fil-Parlament. F’sitwazzjoni oħra bla preċedent Joseph Muscat kien naqas milli jippreżenta fil-Parlament id-dikjarazzjonijiet tal-assi għas-sena 2016.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippubblika d-dati ta’ meta d-dikjarazzjonijiet tal-assi ġew ippreżentati fil-Parlament mis-sena 2013 ’il quddiem:
Għas-sena 2013 ġew ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2014;
Għas-sena 2014 ġew ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2015;
Għas-sena 2015 ġew ippreżentati fis-27 ta’ April 2016;
Għas-sena 2016 ma jirriżultax li ġew ippreżentati;
Għas-sena 2017 ġew ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2018;
Għas-sena 2018 ġew ippreżentati fit-19 ta’ Ġunju 2019;
Għas-sena 2019 ġew ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2020; u
Għas-sena 2020 ġew ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2021.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Robert Abela għandu jippubblika minnufih id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2021 kif ukoll jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi għas-sena 2016 li s’issa għadhom moħbija.
//= $special ?>