Lokali

Dimostrazzjoni fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd li ġej

F’pajjiżna hawn klikka ta’ persuni li ma jriduniex naslu. Huma imwerwrin mill-ġustizzja. Qed jagħmlu minn kollox biex jirreżistu l-bidla.

Dan intqal mill-għaqda Repubblika fi stqarrija maħruġa aktar kmieni illum.

“Ir-rebħa ta’ Repubblika lbieraħ fil-Qorti Kostituzzjonali ta’ pajjiżna hi waħda storika. Il-Maġistrat Nadina Lia, minflok iġġieldet lill-kriminali, kienet ta’ ostaklu għall-ġustizzja. L-ogħla Qorti ta’ pajjiżna tatna raġun. L-ewwel rivoluzzjoni li jeħtieġ nagħmlu hi f’moħħna. Jeħtieġ nemmnu li Joseph Muscat u l-klikka tiegħu mhumiex invinċibbli. Aħna kapaċi nirbħulhom u niksbu ġustizzja u bidla. Dawn jinsabu mwerwra mill-ġustizzja.”

Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com qed isejħu dimostrazzjoni ta’ protesta bit-tema: “SE NASLU. DIMOSTRAZZJONI GĦALL-ĠUSTIZZJA U GĦALL-BIDLA” għal nhar il-Ħadd 23 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta, fit-3:30pm. Id-dimostrazzjoni tibda minn quddiem il-Parlament.

Wara li d-dismostrazzjoni timxi fi Triq ir-Repubblika, il-President ta’ Repubblika u kelliema oħra ser jagħmlu d-diskorsi tagħhom.