Wara l-logħob mis-seba’ ġurnata tal-Kampjonat Għawdxi, Nadur Youngster issa jinsabu weħidhom fl-ewwel post wara li t-tim li kellu l-istess punti daqshom Qala Saints kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 minn Xewkija Tigers filwaqt li t-tim immexxi mill-eks kowċ ta’ Ħamrun Spartans Mar Buttigieg kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra Sannat Lions.
Nadur Y 2-1 Sannat Lions
Nadur Youngsters skorjaw darbtejn fi spazju ta’ tliet minuti fl-ewwel taqsima biex ħadu tliet punti importanti li poġġewhom fl-ewwel post tal-klassifika. Marcelo Barbosa fetaħ l-iskor fit-33 minuta għal Nadur filwaqt li Predrag Djordevic irdoppja fis-36 minuta. Sannat wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima u skorjaw fil-61 minuta permezz ta’ Camilo Andres Sanchez Gonzales. Minkejja dan Nadur għarfu jżommu l-gowl vantaġġ sat-tmiem biex kienu huma li ġadu t-tliet punti.
Xewkija Tigers 0-0 Qala Saints
Xewkija u Qala spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls f’partita ddominata mis-Saints li fallew ħafna opportunitajiet u li fl-aħħar minuti kienu se jpattu qares għalihom.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Qala wara 11-il minuta minn korner ta’ Carvalho, l-attakkant Brażiljan Rafael Prudente spara barra. Is-Saints tilfu ċans tad-deheb li jmorru minn fuq fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta kien mgħotija penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Dejan Bogdanovic fuq Rafael Prudente. Madankollu l-istess attakkant ra x-xutt tiegħu mill-11-il metru milqugħ mill-galkeeper ta’ Xewkija Nikola Kosanin. Qala żammew l-istess ritmu fil-bidu tat-tieni taqsima u wara biss minuta huma laqtu l-mimduda b’daqqa ta’ ras ta’ Prudente minn kross ta’ Parnis. Fis-57 minuta Qala għal darb’oħra perikolużi meta minn azzjoni personali Ayesller Carvalho rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja iżda l-konklużżjoni tiegħu kienet imblukkata mid-difensur Josmar Vella. Fis-86 miunta Xewkija għoddom ħasdu lill avversarji meta l-free-kick mill-bogħod ta’ Damir Andjelovic kien milqugħ b’diffikultà minn Mattia Zammit mgħejjun mill-mimduda. L-iskor baqa’ ma nbidilx u ż-żewġ timijiet ġadu punt kull wieħed.
Victoria Hotspurs 2-2 Oratory Youths
Victoria Hotspurs kisbu t-tieni punt tal-istaġun meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Oratory Youths. L-Oratorju rnexxielhom jiftħu l-iskor fit-23 minuta meta minn korner ta Ismael Belhadj, kien James Tabone li bir-ras qabbeż minn fuq kulħadd. Fit-tieni taqsima Victoria ħarġu aħjar u wara għaxar minuti logħob kisbu d-draw. Kien pass ta’ Damien Hili lejn Olimpio Gabriel Fernandes li wara li avvanza b’xutt fil-baxx għeleb lil goalkeeper ta’ Oratory. Il-Hotspurs marru fil-vantaġġ fis-66 minuta meta reġa kien kross ta’ Damien Hili fil-kaxxa li sab għal darb’oħra lil Olimpio Gabriel Fernandes li mill-viċin tefa’ ġewwa. Oratory kisbu l-gowl tad-draw fl-74 minuta meta Goncalves Barbosa avvanza mal-linja u qassam lejn in-nofs fejn kien hemm is-sostitut Neil Said li b’lasta vojta tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 2-2.
Għajnsielem 0-0 Kerċem Ajax
Fl-aħħar partita mis-seba’ ġurnata tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex, Għajnsielem u Kerċem Ajax ukoll ħadu punt kull wieħed fi draw ieħor ta’ mingħajr gowls.
Fl-14-il minuta Għajnsielem jimpenjaw lil Daniel Spiteri li kellu jdawwar f’korner ix-xutt minn barra ta’ Shaun Attard. Kerċem wieġbu wara tliet minuti minn xutt sabiħ ta’ Soares Da Silva li kien salvat tajjeb minn Adrian Parnis. Fit-42 minuta minn korner tal-veteran Chris Camilleri id-daqqa ta’ ras ta’ Daniel Farrugia għaddiet barra. Fil-ġin miżjud free-kick għal Kerċem minn Soares Da Silva kien blukkat minn Parnis u mtajjar mid-difiża. Fit-tieni taqsima ftit kienu l-azzjonijiet għajr konklużżjonijiet barra minn Chris Camilleri fit-78 minuta u ħames minuti wara Andrew Mizzi ta’ Kerċem laqat ħażin bir-ras minn kross ta’ Daniel Cassar.
//= $special ?>