Il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek hi t-tema tad-Dokument ta’ Qabel il-Budget għas-sena 2023 ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, ġie spjegat li dan id-Dokument sar b’konsultazzjoni wiesgħa. Fil-fatt saru aktar minn 15-il laqgħa differenti, li fihom il-Partit Nazzjonalista sema’ x’għandhom x’jgħidu s-setturi varji.
F’dan id-Dokument hemm miġbura aktar minn 340 proposta, rakkomandazzjoni jew punti ta’ azzjoni. Proposti li jistgħu jnisslu d-diskussjoni, iżda li jekk il-Gvern jimplimentahom, iġibu diffirenza f’kull wieħed u waħda minna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-ruħ soċjali tal-Partit Nazzjonalista tiddistingwieh mill-bqija tal-partiti politiċi f’pajjiżna. F’kuntest ta’ rkupru ekonomiku u fl-isfond ta’ sfidi globali, din jeħtieġ li tkun il-boxxla li tmexxina lejn fejn irridu naslu mingħajr ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.
Pajjiżna jrid jinvesti ħafna u ħafna aktar fil-mobbiltà soċjali biex nibdew mexjin it-triq li permezz tagħha neliminaw il-problema tal-faqar f’pajjiżna.
Il-kelliema saħqu li ma nistgħux inkomplu nħallu l-għoli tal-ħajja tkompli tħalli l-impatt devastanti li qed ikollha fuq l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ma nistgħux nikkuntentaw billi nagħtu l-minimu possibbli lin-nies. Irridu nsawru l-klassi medja f’Malta u nwaqqfu l-mewġa ta’ familji li jgħixu għomorhom f’diffikultajiet li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jrid li jpoġġi l-kwalità tal-ħajja u l-mod ta’ kif ngħixuha fiċ-ċentru tal-politika. Mill-ispazji pubbliċi għall-mod kif nibbilanċjaw ix-xogħol, il-familja u l-attivitajiet li jżommuna sani u b’saħħitna.
Jerome Caruana Cilia saħaq li rridu nibnu l-ekonomija ta’ għada f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli, f’pajjiż isbaħ u b’aktar spazji miftuħa, b’industrija tat-turiżmu li tiffoka fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-volumi.
Dwar l-ambjent ingħad li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn dan is-settur bħala suġġett iżolat, iżda nibnu qafas fejn il-prijorità tal-protezzjoni tal-ambjent tkun parti integrali minn kwalunkwe settur tal-politika.
Mill-edukazzjoni rridu nagħmlu settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim, kif ukoll it-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.
Il-kelliema saħqu wkoll li bħala pajjiż irridu nemmnu fil-potenzjal enormi ta’ Għawdex li jsir ċentru ta’ sostenibbiltà, sofistikazzjoni industrijali u sbuħija naturali fir-reġjun kollu. Għawdex jistħoqqlu u għandu jingħatalu identità soċjo-ekonomika distinta, li tibni fuq il-karatteristiċi partikolari tiegħu u mhux biss dawk ta’ Malta.
//= $special ?>