Lokali

“Il-pagi f’Malta għadhom baxxi meta kkumparati mal-istil ta’ ħajja li qed ngħixu fiha” – Josef Vella, UĦM

“Il-pagi f’Malta għadhom relattivament baxxi meta kkumparati mal-istil tal-ħajja li qed ngħixu fiha. Il-mezzi kif inwieżnu dak l-istil għadhom batuti.”

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella f’konferenza tal-aħbarijiet fejn preżentaw il-proposti tal-budget għas-sena 2023.

Josef Vella insista li hemm preokupazzjoni fuq il-middle class, fejn iddeskriviha bħala faxxa ta’ klassi fis-soċjetà Maltija hekk kif saħaq li l-faxxa tan-nofs qed titnaqrilha.

Il-UĦM qed tipproponi wkoll li l-ħlas doppju fil-Ħdud ikun għal kulħadd, hekk kif in-nuqqas ta’ dan qed jiġi deskritt bħala inġustizzja siekta. Dan filwaqt li Josef Vella saħaq li l-ħlas tal-bolla m’għandux jibqa jkun intaxxat…iżda t-taxxa għandha tittieħed fuq l-ammont ridott li l-ħaddiem verament ikun se jkollu f’idejh.

Josef Vella qal li t-tkabbir ekonomiku f’Malta għandu jkun ibbażat fuq il-kwalità u mhux kwantità hekk kif insista li pajjiżna ma jiflaħx aktar f’żidiet fil-popolazzjoni.

Huwa saħaq li hemm bżonn li l-Gvern iwettaq rendikont ta’ kemm l-infrastruttura tal-pajjiż qed tiflaħ il-pressjoni fuqha. Josef Vella qal li il-budget ta’ nhar it-Tnejn mhux kwistjoni ta’ x’se jiġri fis-sena d-dieħla…iżda x’legat se nħallu warajna għal ġenerazzjonijiet futuri.

Josef Vella sostna li hija ferm inkwetanti li ż-żgħażagħ Maltin qed ifittxu triq ‘il barra minn pajjiżna u insista li rridu nagħmlu dak kollu possibbli biex inżommuhom jaħdmu f’Malta u Għawdex għaliex huma n-nisa u l-irġiel ta’ għada, huma il-familja ta’ għada u li mingħajrhom ma nistgħux nibbażaw futur għal pajjiż.

Intant il-UĦM qed tipproponi li l-carers leave ikun ipprovdut bi ħlas u mhux b’unpaid leave filwaqt li pproponiet ukoll li fejn għandek żewġ ġenituri jaħdmu fuq bażi full-time t-tnejn li huma, xi ħadd minnhom ikun jista’ jnaqqas il-ħin tax-xogħol bi dritt biex irabbu lil uliedhom għall-ewwel 5 snin ta’ trobbija.

Dan hekk kif Josef Vella saħaq li għandhom dritt li lill-uliedhom irabbuhom il-ġenituri u mhux il-carers fiċ-childcare centres.

Finalment huwa temm jgħid li issa wasal iż-żmien li l-Gvern iwaqqaf il-kuntratt minn ma’ Steward Healthcare. Huwa insista li l-Gvern ħareġ miljuni kbar minn but il-poplu għal għand Steward u s’issa qatt ma ngħatat sodisfazzjon għalfejn dawn il-kuntratti għadhom ma waqgħux.