Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Żmien ta’ kaos assolut għall-Gvern u għall-Prim Ministru Truss

L-osservaturi politiċi fir-Renju Unit ma jemmnux li Liz Truss tista’ tkompli bħala Prim Ministru wara r-riżenja, f’nofs il-ġimgħa, ta’ Suella Braverman minn Ministru għall-Intern. Dan ukoll meta dejjem aktar deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern qed jesprimu x-xewqa li Truss twarrab mill-kariga preżenti minkejja li ilha tmexxi l-Gvern għal ftit ġimgħat biss.

Il-kaos għall-Konservattivi kompla jiggrava wara li d-deputati fil-House of Commons ħadu sehem f’vot kaotiku dwar il-fracking – jew il-proċess li bih jistgħu jittellgħu iż-żejt jew il-gass minn taħt il-blat permezz ta’ boreholes u mezzi oħra ta’ skavar.

Il-konfużjoni fil-Parlament ma naqasx wara li l-Gvern inqabad kemm-il darba f’U-turn dwar jekk il-vot fost il-Konservattivi kienx anki jammonta għal vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Truss.

Sadanittant, xorta fadal numru ta’ deputati Konservattivi u Ministri li jridu li Liz Truss tkompli tmexxi pajjiżha. Dan fost stennija li l-għexieren tad-deputati tat-Tories li ma vvutawx f’nofs il-ġimgħa se jiffaċċjaw azzjoni dixxiplinarja mill-partit fil-Gvern.

Fl-istess ħin, ir-riżenja ta’ Suella Barverman qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għal Truss f’dan iż-żmien problematiku – u meta Braverman, eks alleata ta’ Truss, kellha biss kliem ta’ kritika għall-Prim Ministru li hi espremiet biċ-ċar fl-ittra tar-riżenja.

Bħala Ministru għall-Intern minflokha laħaq Grant Shapps, l-ex Ministru responsabbli mit-Trasport u li ftit tal-jiem ilu kien ikkuntesta d-dritt ta’ Truss li tkompli bħala Prim Ministru.

Mill-banda l-oħra, il-Ministru għat-Trasport Anne-Marie Trevelyan insistiet li l-Kabinett xorta waħda għandu fiduċja f’Liz Truss bħala Prim Ministru waqt li Kemi Badenoch għamlitha ċara li mgħandhiex il-ħsieb li tirriżenja minn Ministru għall-Kummerċ Internazzjonali.

Dan waqt li ċ-chief whip u l-viċi chief whip li qed jinfurzaw id-dixxiplina fil-Partit tat-Tories qegħdin ikomplu fil-karigi rispettivi. Iżda jidher ukoll li aktar ilħna influwenti f’dan il-partit qed iħeġġu biex it-Tories juru sens akbar ta’ dixxiplina u rispett għal xulxin jekk ma jridux li jsofru telfa storika fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Fl-istess ħin,  qed jidher diffiċli ħafna li Liz Truss għandha tkompli bħala Prim Ministru sal-aħħar tal-mandat filwaqt li tirritorna s-serenità fi ħdan il-Gvern konservattiv. Żdiedu wkoll id-dubji dwar kemm Truss, fis-sitwazzjoni preżenti, se jirnexxilha tikkonfronta l-isfidi kbar quddiemha u quddiem il-Gvern minn lat ekonomiku kif ukoll minn aspett internazzjonali.