Valletta vs Gżira United | Is-Sibt, fil-17:15 fl-Istadium Nazzjonali
Għalkemm Valletta dan l-istaġun, bħal dak ta’ qablu, reġgħu qed jiddiżapuntaw bi kbir fejn għandhom biss 5 punti minn seba’ partiti, xorta waħda nqisu l-konfront tagħhom kontra Gżira United bħala l-logħba tal-ġimgħa mit-tmien ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. Inċertezzi kbar fil-klenn Belti fejn wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Mosta anke instemgħu xi għajdut li Thane Micallef jista jkun li ma jkompliex imexxi lit-tim tal-Belt Kapitali. Għal dan il-konfront Micallef se jkollu nieqes lid-difensur mill-Albanija Eslit Sala, li jinsab sospiż logħba wara li kontra Mosta tkeċċa fl-aħħar minuti tal-partita. Gżira minn naħa tagħhom jinsabu fil-forma u fl-aħħar partita kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Floriana 1-0. Darren Abdilla mill-plejers regolari se jkollu nieqes lil Nikolai Muscat li jinsab sospiż filwaqt li Clive Gauci wkoll se jkun qed jiskonta logħba sospensjoni wara li tkeċċa wkoll fl-aħħar ħinijiet. Bir-rebħa fuq Floriana, il-Maroons laħqu lil Birkirkara fit-tieni post bi 17-il punt, tnejn taħt il-leaders Ħamrun Spartans. Jefferson de Assis bla dubju qed ikun il-protagonist ewlieni għall-Gżira United hekk kif jinsab fil-quċċata tal-aqwa skorers tal-kampjonat bi 8 gowls.
Sirens vs Żebbuġ Rangers | Il-Ġimgħa, fis-19:30 fl-Istadium Nazzjonali
F’konfront minn naħa t’isfel tal-klassifika, Sirens u Żebbuġ Rangers jilagħbu kontra xulxin fl-unika partita tal-Ġimgħa filgħaxija fl-Istadium Nazzjonali. Iż-żewġ timijiet qed isibuha diffiċli biex isibu saqajhom b’Sirens għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun filwaqt li Żebbuġ għandhom biss tliet punti li kisbu f’rebħa kontra Santa Lucia iżda tilfu l-kumplament tal-logħbiet. Xejn inqas minn rebħa ma’ tikkuntenta lit-timijiet immexxija minn Winston Muscat u Brian Spiteri hekk kif issa qbiżna nofs l-ewwel rawnd u d-distakk mit-timijiet ta’ fuqhom ftit ftit beda jikber.
Hibernians vs Gudja United | Is-Sibt, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Iċ-champions renjanti Hibernians, f’konfront dirett, se jkunu qed jaffrontaw lil Gudja United wara tliet rebħiet konsekuttivi. Hibernians ta’ Andrea Pisanu fl-aħħar konfront rebħu lil Santa Lucia 3-2, iżda bla dubju li Pisanu matul din il-ġimgħa ffoka t-taħriġ tat-tim l-aktar fuq il-fażi difensiva hekk kif fl-aħħar żewġ logħbiet dehru xi ftit difettużi meta jiġu biex jiddefendu. Tal-Pagun għandhom opportunità li jaqbżu lill-avversarji tagħhom fejn anke jkunu jistgħu jibdew jerġgħu jibdew jitqiesu bħala sfidanti għall-unuri. Hibernians se jkunu mingħajr Ali Diakite li jinsab sospiż. Gudja, wara bidu tajjeb ħafna, fl-aħħar logħba sofrew telfa li forsi mhux kulħadd kien qed jistenna kontra Marsaxlokk, iżda dan ma jnaqqas xejn mill-mertu tax-Xlukkajri li kienu tajjeb ħafna. Diffiċli wieħed jipprevedi r-rebbieħ ta’ dan il-konfront għalkemm Hibernians jibdew xorta waħda xi ftit favoriti.

Pietà Hotspurs vs Santa Lucia | Is-Sibt, fil-17:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Pietà wkoll għandhom opportunità tajba quddiemhom hekk kif huma jaffrontaw lit-tim li jinsab ankrat fl-aħħar post tal-klassifika Santa Lucia. Rebħa għal-Hotspurs tista tkun tfisser li jkomplu tilajn ‘il fuq fil-klassifika minkejja bidu diffiċli meta wieħed jikkunsidra li t-timijiet ta’ fuqhom Sirens u Valletta għandhom żewġ logħbiet diffiċli kontra Żebbuġ u Gżira rispettivament. Uġieħ ta’ ras li żġur għandu l-kowċ tal-Hotspurs Rodney Bugeja hija li se jkun qed jilgħab mingħajr wieħed mill-aħjar elementi tat-tim, il-Ġappuniż Takuma Yamaguchi li fl-aħħar logħba kontra Żebbuġ safa mkeċċi wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-uniku gowl tal-partita wara li jista jkun li għadda xi rimarki lejn is-supporters ta’ Żebbuġ. Santa Lucia, fl-aħħar post se jkunu qed jittamaw li jibnu fuq il-wirja kontra Hibernians fejn minkejja li ħarġu b’idejhom vojta xorta waħda kellhom wirja tajba. Telfa oħra iżda tista tibda taqta xi ftit il-qlub tal-Yellows anke għaliex Pietà jkunu fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuqhom u l-istess jgħamlu Żebbuġ jekk jirbħu kontra Sirens.
Ħamrun Spartans vs Mosta | Is-Sibt, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali
Il-leaders attwali tal-kampjonat Ħamrun Spartans jilagħbu kontra Mosta f’partita li tista tkun waħda diffiċli aktar milli tidher fuq il-karta għat-tim immexxi minn Branko Nisevic. Wara sitt rebħiet konsekuttivi Ħamrun kienu miżmuma fl-aħħar logħba minn Birkirkara u għalekk se jkunu qed ifitxxu xejn inqas minn rebħa biex jergħu jaqbdu r-ritmu ta’ rebħ biex iżommu posthom fil-quċċata. Madankollu l-avversarji tagħhom Mosta muwiex tim li wieħed jista jserraħ rasu kontrieh u dan urewh fl-aħħar żewġ konfronti, fejn kontra Floriana kienu mċaħda minn Kitanov li laqa’ penalty fl-aħħar minuti filwaqt li s-Sibt li għadda rebħu u ddominaw kontra Valletta 3-1. Iż-żgħażugħ Niġerjan ta’ 21 sena Chris Ememe huwa l-aktar plejer li d-difiża ta’ Ħamrun trid toqgħod attenta minnu hekk kif dan kapaċi jkun ta’ ħsara kbira fil-kaxxa.
Floriana vs Balzan | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Floriana, li issa ilhom tliet logħbiet mingħajr ma jirbħu, il-Ħadd se jkunu qed jiltaqgħu kontra Balzan fl-ewwel logħba fit-Tony Bezzina Stadium. Il-Greens ukoll qed jonqsu mill-konsistenza dan l-istaġun u jekk mhux se jibdew jiksbu rebħiet fil-konfronti li ġejjin se jkunu qed jinqatgħu mill-ewwel nofs tal-klassifika hekk kif diġa jinsabu tliet punti l’ bogħod minn Mosta li jinsabu fis-seba’ post. Balzan minn naħa l-oħra iridu jinsew malajr id-draw ta’ 0-0 kontra Sirens fejn f’dik il-partita fallew anke penalty li kien ipoġġihom weħidhom fir-raba’ post. Bi draw Balzan jibqgħu fis-sitt post, iżda bla dubju li rebħa tpoġġihom f’pożizzjoni tajba meta wieħed jikkunsidra li ż-żewġ timijiet ta’ fuqhom, Hibernians u Gudja se jkunu qed jilgħabu kontra xulxin.
Marsaxlokk vs Birkirkara | Il-Ħadd, fil-17:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Il-partita li se tkun qed tagħlaq it-tmien ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun dik bejn Marsaxlokk u Birkirkara. Ix-Xlukkajri wara li kellhom bidu daqxejn bl-iskossi, għaddejin minn mument pożittiv li jarhom fit-tmien post bi 8 punti. Nhar it-Tnejn huma għelbu lil Gudja United 2-1 f’partita li kienu aħjar mill-avversarji fil-maġġoranza tal-ħin. L-eks attakkant ta’ Floriana Kristian Keqi kien ta’ għajnuna kbira għall-iskwadra ta’ Pablo Doffo u Marsaxlokk minn mindu akkwistaw lilu għadhom ma tilfux fejn saħansitra skorja darbtejn fi tliet logħbiet. Birkirkara fl-aħħar ħarġa tagħhom ġew draw ta’ mingħajr gowls kontra Ħamrun, b’dan ikun it-tieni draw konsekuttiv wara li qabel kienu wkoll miżmuma minn Gudja 1-1. Kif għedna diġa, l-Istripes intlaħqu minn Gżira fit-tieni post bi 17-il punt u jekk iridu jibqgħu jikkonfermaw il-qawwa tagħhom u li l-objettivi tagħhom huma li jkunu sfidanti għat-titlu, għandhom bżonn il-punti massimi minn din il-partita.
//= $special ?>