Internazzjonali

L-Iran: Inqatlet tifla talli ma kantatx innu li jfaħħar lill-Ayatollah Khamenei

Il-qawwiet tas-sigurtà Iranjani qatlu tifla ta’ 15-il sena li kienet ma’ grupp ta’ tfal tal-iskola li rrifjutaw li jkantaw innu ta’ tifħir lill-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran. L-aħbar kien żvelat mill-membri ta’ union tal-għalliema li rakkuntaw dwar rejd tal-qawwiet tas-sigurtà fuq l-iskola fl-inħawi ta’ Ardabil.

Minbarra l-vittma, identifikata bħala Asra Panahi, indarbu numru ta’ studenti waqt l-attakk – bl-uffiċjali għar-reġim Iranjan qed  jirribattu l-vittma adolexxenti tilfet ħajjitha għaliex ‘kienet tbati bi problemi tal-qalb’.

Numru ta’ tfajliet adolexxenti tilfu ħajjithom fl-aħħar xahar ta’ protesti ħorox kontra r-reġim Iżlamiku f’Tehran u meta qrabathom u l-attivisti favur id-demokrazija qegħdin iwaħħlu fil-qawwiet tas-sigurtà Iranjani għal ‘brutalità eċċessiva’.

L-inkwiet kompla jikber wara li Mahsa Amini, mara ta’ 22 sena, mietet l-isptar ftit wara li kienet arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità li ddeċidew li hi ma kenitx liebsa x-xalla tar-ras skont il-liġijiet stretti tal-Islam.

Intant, il-bniet tal-iskola ilhom talanqas ġimgħatejn jissieħbu f’dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern Iżlamiku, bil-protesti qed isiru fil-klassijiet, fil-playgrounds kif ukoll fit-toroq. Dan fost espressjoni ta’ rabja bla preċedent kontra l-liġi dwar il-hijab ( xalla tar-ras) u l-establishment klerikali li qed jiddeċiedi l-preżent u l-futur tal-Iranjani.

Il-filmati li qed jiċċirkulaw online juru lit-tfajliet u nisa Iranjani jxejjru x-xalel tar-ras fl-ajru huma u jkantaw slogans favur il-ħelsien tal-mara u kontra l-Ayatollah Khamenei, li hu l-aktar persuna influwenti fl-Iran u li qed ikun mixli bħala dittatur li ma jimputahx mill-ħajja tan-nies.