Giorgia Meloni, li qed tmexxi lill-Partit Fratelli d’Italia (Fdl), wissiet li l-Gvern li beħsiebha tmexxi għandu jirrispetta l-politika tan-NATO u tal-alleanzi tal-Punent inkella jirrifjuta li jieħu ir-riedni tal-pajjiż uffiċjalment fil-ġranet li ġejjn. B’hekk, Meloni iddisassoċjat ruħha mill-aħħar kummenti kontroversjali ta’ Silvio Berlusconi, l-eks Prim Ministru Taljan u Kap tal-Partit Forza Italia li hu sieħeb fil-koalizzjoni li qed tmexxi l-FdI.
Aktar kmieni fil-ġimgħa, ħareġ rekording ta’ Berlusconi waqt li kien qed jinforma lid-deputati ta’ Fratelli d’Italia li hu kien irristawra l-kuntatti mal-President tar-Russja Vladimir Putin, li fissru bħala ħabib antik tiegħu. Il-kliem ta’ Berlusconi qajjem furur kbir, speċjalment wara li hu irrefera għal skambju ta’ rigali u ittri bejnu u Putin.
Il-kontroversja kompliet tikber wara li ħareġ rekording ieħor li fih Berlusconi jissuġġerixxi li l-azzjonijiet tal-President Ukren Volodymyr Zelensky ikkaġunaw l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi. Dan waqt li Berlusconi ikkuntesta l-politika internazzjonali biex jingħataw l-armi lill-Ukrajna ħalli tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni ta’ Putin.
Iżda Meloni, li l-partit tagħha hu l-mutur wara l-koalizzjoni tal-lemin li se tieħu l-poter fl-Italja, ħarġet ultimatum li fih enfasizzat li l-Italja qatt mhi se tkun il-ħolqa dgħajfa fil-katina tal-Punent. Intant, Berlusconi, issa, qed jgħid li l-kummenti tiegħu nftehmu ħażin u li l-pożizzjoni tiegħu u tal-Partit Forza Italia mhumiex differenti mill-pożizzjoni tal-Gvern Taljan.
//= $special ?>
