Il-kumpannija nazzjonali tal-enerġija fl-Ukrajna qed tħeġġeġ biex iċ-ċittadini jsalvaw l-enerġija waqt li jiċċarġjaw ċertu tagħmir personali qabel filgħaxija. Dan minħabba l-qtugħ kontinwu fid-dawl ikkaġunat mill-attakki tar-Russi fuq l-infrastruttura tal-pajjiż.
L-isparaturi kontinwi tal-missili mir-Russi qed joħolqu numru ta’ blackouts madwar il-pajjiż – bir-rokits jinżlu mill-ġdid fuq il-faċilitajiet tad-dawl f’numru ta’ bliet Ukreni.
F’din is-sitwazzjoni, mistenni li d-dawl għall-Ukreni għandu jinqata’ kuljum għal sigħat sħaħ u waqt li Moska qed timplimenta l-liġi marzjali fiz-zoni tal-Ukrajna li ddikjarathom bħala estensjoni tar-Russja.
L-awtoritajiet Ukreni, intant, appellaw biex iċ-ċittadini jaħżnu l-ilma waqt li jaċċertaw li ma jonqsux il-ħwejjeġ li jipproteġuhom kontra l-kesħa meta qed javviċina l-istaġun tax-xitwa. Fl-istess ħin ħarġet twissija partikulari biex in-nies jaħsbu biex jiċċarġjaw it-telefons ċellulari u t-torches għall-possibbiltà ta’ emerġenza.
Madwar 40 fil-mija tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna ġarrbet il-ħsarat kbar b’konsegwenza tal-missili tar-Russi, b’dan jikkonfermawh il-konsulenti mal-Ministru Ukren għall-Enerġija.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qal li tliet faċilitajiet tal-enerġija sfaw meqruda waqt bumbardament partikulari mill-qawwiet Russi u li l-kumpanniji tal-enerġija f’pajjiżu kienu qegħdin iħejju għal kull xenarju possibbli għal matul ix-xitwa.
//= $special ?>

