Athletics Malta ħabbret r-ritorn tal-Malta Road Running Series, kompetizzjoni fuq erba’ tlielaq li permezz tagħha jintrebaħ t-titlu nazzjonali tar-road running kemm fuq bażi individwali kif ukoll ta’ klabbs.
Il-kunċett ta’ din is-Series jemerġi mir-Road Running League tradizzjonali u l-perjodu li fih kien jinżamm, kif ukoll il-kalendarju kkonfermat tat-tlielaq ta’ din is-sena u l-obbligi tekniċi ta’ Athletics Malta għas-sena 2023.
Is-Serje l-ġdida hija riżultat ta’ ħidma ta’ sottokumitat iffurmat mill-klabbs affiljati kollha. Bl-involviment ta’ aktar klabbs fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti, Athletics Malta qed tfittex li toħloq opportunità għal klabbs kollha biex isaħħu l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom, jaqsmu ideat, jitgħallmu minn xulxin u jaħdmu lejn oġġettiv komuni, dak li jgħollu l-livell ta’ avvenimenti magħrufa bħala non-stadia (jiġifieri dawk mhux fit-trakka) kemm minn aspett tekniku kif ukoll organizzattiv.
L-erba’ avvenimenti li se jifformaw parti mis-Serje se jikkonsistu f’żewġ tlielaq ta’ 10km segwiti minn tnejn ta’ 5km.
Ir-rotta ta’ Ħal Far, li se sservi wkoll għat-tlielaq tal-Kampjonati Nazzjonali hija l-unika rotta rikonoxxuta minn World Athletics f’Malta fuq dawk id-distanzi wara li uffiċjal tal-istess entità kejjel id-distanza b’mod uffiċjali fuq dik ir-rotta.
Sistema ta’ punti, ibbażata fuq l-aqwa tliet prestazzjonijiet tal-atleti li jieħdu sehem, se tiddetermina r-rebbieħa, l-ewwel tliet atleti fil-kategoriji tal-irġiel u nisa u l-ewwel post irġiel u nisa fil-kategoriji tal-etajiet differenti.
Aktar minn hekk, dan l-istaġun se jara r-ritorn tal-Kampjonat tal-Klabbs, bi premju għall-ewwel u t-tieni post għat-timijiet irġiel u nisa. L-applikazzjonijiet għal din is-Serje se jinfetħu dalwaqt.
Dawn huma t-tlielaq tal-Malta Road Running Series:
29/01/2023 Tellieqa 1 – Kampjonati Nazzjonali 10KM Ħal Far
19/02/2023 Tellieqa 2 – 10KM Marsascala
12/03/2023 Tellieqa 3 – 5KM Maqluba
26/03/2023 Tellieqa 4 – Kampjonati Nazzjonali 5KM Ħal Far
//= $special ?>