Il-Parlament Ewropew ivvota b’mod qawwi favur Malta u adotta riżoluzzjoni li fi kliem sempliċi esprimiet tħassib dwar l-impunità li ngħatat f’pajjiżna fir-rigward ta’ persuni li kienu qrib l-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – inkluż Muscat innifsu, l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru tat-Turiżmu u Enerġija Konrad Mizzi.
Din qed titqies bħala pożizzjoni iebsa ferm u turi kif l-Ewropa qed tagħmel minn kollox biex tiddefendi s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, u tattakka l-korruzzjoni.
Minn 591 vot, 564 minnhom kienu favur filwaqt li 10 kienu kontra – inkluż l-erba’ Membri Parlamentari Ewropej Laburisti li spiċċaw iżolati fost il-Grupp tagħhom stess.
Il-vot ittieħed wara li d-delegazzjoni tal-Kumitat LIBE kien ippubblika rapport dwar il-Gvern Malti, u saħaq li hemm bżonn ta’ passi serji fir-rigward tal-impunità.
Wara dan il-vot, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa fakkar kif fl-aħħar 5 snin minn meta ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew ra kontinwità ta’ impunità u li huwa evidenti li bil-vot meħud jidher ċar li qed jitilfu l-fiduċja fil-Gvern tal-Labour. Huwa saħaq li hemm differenza ċara bejn dak li qiegħed iwiegħed il-Gvern u r-riżultati miksuba.
Dan hekk kif il-Parlament wassal allarm rigward in-nuqqas ta’ progress fl-isfond il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus li proprju l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga fil-jiem li proprju nqatlet fihom. Investigazzjonijiet dwar persuni qrib sew il-kuriduri ta’ Kastilja.
David Casa insista li filwaqt li l-Parlament Ewropew jirrikonoxxi li l-eżekuturi nqabdu, il-Parlament qed jibgħat messaġġ ċar ta’ ġustizzja fil-konfront ta’ politiċi u l-irwol tagħhom f’dak li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>