Lokali Qorti

20 xahar ħabs wara li weġġa lil missieru

David Bonnici ta’ 45 sena mingħajr indirizz fiss u li għandu problema ta’ droga kien ikkundannat 20 xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li f’Mejju li għadda ħebb weġġa’ ħafif lil missieru. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni, qalet li l-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-30 ta’ Mejju u l-31 ta’ Mejju li għadda fil-limiti ta’ Ħ’Attard. 

Bonnici nstab ħati wkoll li kkaġuna biża’ lil missieru, li ħebb għalih u li inġurjah, u li kiser ordni ta’ trażżin imposta fuqu mill-Qorti, li qalet li hemm diversi fatturi li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Fattur importanti ħafna huwa n-natura tar-reati li tagħhom instab ħati li bla dubju dawn huma reati ta’ ċerta gravità partikolarment meta jiġu
kommessi fil-konfront ta’ membri tal-familja.

Aktar minn hekk huma reati li l-imputat ikkommetta diversi drabi fil-konfront ta’ diversi nies pero primarjament
fil-konfront tal-ġenituri tiegħu u membri oħra tal-familja. Mill-provi jirriżulta li Bonnici għandu problema ta’ droga, problema ta’ imġieba u anke ta’ ‘anger managment; u jirriżulta ukoll li dawn il-problemi bdew iseħħu ħafna snin ilu.

Fil-fatt, u kif ġustament qal l-uffiċjal tal-probation, il-fedina penali tiegħu turi li l-imputat instab ħati xejn anqas minn
26 darba għal diversi tipi ta’ reati, pero l-aktar relatati ma’ xi forma ta’ aggressjoni u ma’ pussess ta’ droga; jidher li l-ewwel proceduri kontrih ittieħdu ghal fatti li sehhew meta kien għad kellu 20 sena.

Tul is-snin, u għad-diversi reati li tagħhom instab ħati, l-imputat ingħata kull tip ta’ sentenza – multi, libertà kondizzjonata, probation (diversi drabi), sentenzi sospiżii u anke priġunerija effettiva u kien ingħata ukoll ordni ta’ trattament.

Minkejja dawn il-miżuri kollha u l-għajnuna li ngħata fil-forma ta’ uffiċjal tal-probation jew ordni ta’ trattament, l-imputat m’għarafx jaċċetta u jużufruwixxi minn din l-għajnuna. Saru diversi tentattivi biex l-imputat jibda jindirizza l-problema li ghandu b’l-abbuż tad-droga, tentattivi li qatt ma raw impenn da parti ta’l-imputat u fil-fatt dejjem sfaxxaw fix-xejn.

Saru tentattivi ukoll biex l-imputat jingħata ghajnuna wara l-ahhar perjodu ta’ detenzjoni iżda din l-għajnuna ma ġietx aċċettata. L-imputat ressaq lill-ġenituri tiegħu bħala xhieda u xehed hu ukoll f’tentattiv biex jipprova jiġġustifika l-aġir tiegħu u biex juri x’wasslu biex jaġixxi bil-mod kif qed jaġixxi.

Mid-depożizzjoni ta’ dawn il-persuni m’għandu jkun hemm l-ebda dubbju li l-familja Bonnici kellha u għad għandha diversi problemi. Aktar minn hekk jidher ċar li l-imputat jitfa’ t-tort kollu ta’ kif żvillupat il-ħajja tiegħu fuq kulhadd (pero primarjament fuq il-ġenituri tiegħu) ħlif fuqu nnifsu. I

ll-ġenituri tieghu min-naħa l-oħra, fil-waqt li ma jinnegawx li hemm problemi, jgħidu li għamlu dak kollu li setgħu biex jgħinu lill-imputat; jgħidu ukoll li jekk ma jagħtuhx dak li jrid, binhom jirrikorri għall-vjolenza. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qieset il-fatt li l-imputat għandu problemi ta’ droga, t’imġiba u t’anger management. Intqal, li l-akkużat ma sfruttax id-diversi opportunitajiet li ngħatawlu biex jibda jindirizza l-vizzju tad-droga.

Apparti l-piena ta’ ħabs, Bonnici tpoġġa taħt ordni ta’ trażżin u ordni ta’ trattament għal tliet snin b’għadd ta’ kundizzjonijiet. Il_Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buħagiar.