Lokali

Bniedem ta’ “fiduċja kbira” – Tingħata l-aħħar tislima lil Twanny Agius

Tislima li bdiet b’korteo minn quddiem il-Każin tal-Banda tal-Imsida, għall-Knisja Arċipretali ta’ San Ġużepp fl-Imsida

Il-Ġimgħa waranofsinhar sar il-funeral ta’ Twanny Agius, missier id-Deputat Speaker David Agius, bi knisja miżgħuda bin-nies tinġabar biex ittih l-aħħar tislima.

Twanny Agius – li kien miżżewweġ lil Maria u kellu żewġt ulied – jibqa’ mfakkar għall-involviment kbir tiegħu fl-isports. Hu kien plejer u anke referee, u ħa ħsieb logħbiet kemm fl-istadium tal-Gżira kif ukoll f’Ta’ Qali.

Fl-omelija tiegħu fil-Knisja Arċipretali tal-Imsida, Dun Ewkarist Zammit qal li Twanny kien maħbub, u dejjem spikka f’kull irwol li kellu.

Hu kien persuna li meta tħares lejh, mill-ewwel tiġi f’moħħok il-kelma “fiduċja”.

Twanny Agius ġie deskritt bħala persuna li qatt ma nesa lil Alla, anki fl-aħħar ta’ ħajtu, anki meta kien ikun l-aktar imħabbat. Huwa dejjem fittex li jsib lil Alla u dan kien xempju f’ħajtu, kif dejjem żam il-valur u ħaddan miegħu t-twemmin.

Twanny Agius laħaq President tal-MAFA fl-1999. Minbarra diversi karigi fl-istrutturi tal-MFA fosthom bħala Membru fil-Kunsill, hu għamel 23 sena fit-tmexxija tal-MAFA u proprju kien għażel li ma jerġax jikkontesta fi tmiem l-istaġun li għadda.

Preżenti għall-funeral kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, numru ta’ Deputati miż-żewġ naħat tal-Parlament, u diversi ufficjali tal-Partit Nazzjonalista.