Sport

Ibburdjar: Għada tibda r-Rolex Middle Sea Race

(Ir-rebbieħ tas-senal li għaddiet - Comanche ta’ Mitch Booth)

Għada filghodu jingħata bidu għat-43 Edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race u l-54 anniversarju mill-ewwel edizzjoni.

Madwar 124 yacht minn 24 pajjiż, fosthom tnax il-yacht minn Malta ser jieħdu sehem f’din l-edizzjoni fir-rotta ta’ 608 mil nawtiku li minn Malta tibda lejn Capo Passero, minn hemm għall-Istretto di Messina, wara lejn Stromboli u Favignana – Gżejjer Egadi u lura lejn Malta, fir-rotta ta’ Pantalleria u Lampedusa bid-daħla minn Kemmuna lejn Malta.

L-akbar parteċipazzjoni hija mill-Italja bi 28 yacht u Franza b’20 yacht filwaqt li l-Ġermanja bi ħdax il-parteċipant, għaxra mir-Renju Unit u disa’ mill-Polonja. L-edizzjoni tas-sena li għaddiet intrebħet minn Comanche ta’ Mitch Booth mill-Gżejjer Cayman li għamel ir-rotta f’ħin record ta’ 40 siegħa 17 il-minuta u 50 sekonda. Rebħa li kiseb wara li fiż-żewġ edizzjonijiet ta’ qabel kien rebaħ l-ekwipaġġ Malti bl-aħwa Aaron, Christphe u Maya Podesta’ bil-yacht Elusive 2.