Lokali Qorti

Kumpens ta’ €115,709 għal mara li ttajret minn fuq il-bankina f’Tas-Sliema

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat Avukat ta’ 39 sena biex jagħti kumpens ta’ €115,709 lil mara Pollakka wara li nstab responsabbli li fl-2018 tajjar bil-karozza f’Tas-Sliema u kkaġunalha ġrieħi gravi u kaġun tal-inċident spiċċat b’diżabillità permanenti. 

Ir-raġel tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ tiela’ fuq il-bankina u laqat lil mara, li spiċċat bi problemi f’ġembejha u nuqqas ta’ moviment li damet tbati minnu fit-tul. Riżultat ta’ dan l-inċident Katarzyna Labuz spiċċat kisret ħafna għadam, ma setgħetx timxi għal żmien twil u sofriet minn diżabilità u danni oħra.

L-inċident seħħ fit-13 ta’April 2018, għall-ħabta tas-6.00 p.m. waqt li Labuz kienet fuq il-bankina fi Triq Santa Marija tas-Sliema u karozza Ford Kuga misjuqa mill-Avukat Kevin Plumpton, telgħet fuq il-bankina u laqtet lil mara. Labuz spiċċat taħt il-karozza u minħabba dan l-aċċident sofriet minn ġriehi gravi, danni ta’ natura permanenti, u problemi oħra.

Meta seħħ l-inċident il-mara li kellha 36 sena kienet f’Malta għall-vaganza flimkien ma’ ommha. Hija kienet bdiet proċeduri fil-Qorti għall-kumpens minħabba d-danni li sofriet. Il-Qorti qalet li llum l-età pensjonabbli f’Malta hija dik ta’ 65 sena u t-telf ta’ qligħ għandu dejjem jinkludi wkoll kemm il-vittma tista’ taqla’ potenzjalment u xi xorta ta’ entrojtu fil-ġejjieni.  

Bħala eżempju wkoll il-Qorti qalet li persuna b’diżabbilita li tkun qed taħdem wara l-inċident, anke jekk qeda taqla’ iżjed minn qabel, ma jfissirx li hija ma setgħetx issib opportunitajiet aħjar ta’ xogħol kieku ma korrietx. Il-fatt li persuna tkun qed taħdem ma jeskludihiex milli tingħata danni.

Hekk ukoll, bħal f’dan il-każ, il-fatt li l-mara ma kienetx taħdem għal diversi snin jew qatt ma għamlet użu mill-kwalifiki tagħha, ma jeskluduhiex milli tkun ikkupensata għad-danni permanenti li sofriet minħabba l-potenzjal ta’ opportunitajiet li tilfet fil-futur.

Il-Qorti qalet li l-kwistjoni tad–diżabiltà permanenti hija waħda oġġettiva u tipprexxendi minn kull ċirkostanza post-inċidentali li minnha tkun qed tibbenifika il-vittma. Il-grad ta’ permanenza ta’ diżabilità ċċaħħad lill-vittma minn opportunitajiet li ma kienx għal tali diżabilita’ kienu jkunu disponibbli għaliha.

Rapport tat-Tabib Fredrick Zammit Maemple wasal għall-konklużjoni li sena wara li eżamina lill-vittma din kellha diżabilita’ permanenti ta’ 25%.  Wara li qieset iċ-ċirkostanzi, kollha tal-każ, fost oħrajn li din il-kawża ma ilhiex pendenti, l-Qorti qalet li hija tal-fehma l-‘lump sum payment’ għandu jkun dak ta’ 18%.

Dwar il-qliegħ il-Qorti kienet rinfaċċjata b’sitwazzjoni fejn il-vittma qabel l-inċident ma kienitx taħdem u kienet mara tad-dar. Dan ma jifssirx li l-Qorti ma għandiex tqies il-possibbilita li hija kienet taħdem. L-anqas mal-Qorti tista’ tinjora, li minħabba l-ġrieħi li ġarrbet mhux se jkun diffiċli li timpjega lilha innifisha f’xogħol li hija gradwata fiħ, f’dan il-każ l-edukazzjoni fiżika.

L-anqas ma din il-Qorti ma tista’ iddawwar wiċċha u ma tqies li dan l-inċident se jkun qiegħed jaffettwa il-maternità tagħha minħabba diffikultà li twelled jew ir-relazzjoni intima mal-partner tagħha, kemm jekk tibqa’ miżżewwġa jew le. It-tabib Fredrick Zammit Maemple fl-aħħar paragrafu tar-rapport tiegħu ikkonkluda hekk: “Il-ġenbejn tal-lemin tilfet prattikament nofs il-firxa normali tal-moviment, u tkompli tirrestrinġi d-distanza tal-mixi tagħha u tfixkel l-irqad tagħha.

B’mod trawmatiku dislokazzjoni ta’ ġenbejn, u aktar u aktar frattura dislokazzjoni ta’ ġenbejn, iżid il-possibbiltà ta’ artrite. Fil-każ ta’ Labuz iż-żewġ ġenbejn sofrew dan id-destin. Il-funzjoni tar-riġlejn t’isfel tal-lemin ġiet imnaqqsa aktar minn ksur bimalleolari li jinvolvu l-wiċċ li se jippreċipita skumdità fl-għaksa waqt il-mixi fuq art irregolari.

Din l-għaksa hija wkoll aktar suxxettibbli li tiżviluppa bidliet deġenerattivi. Kif ukoll l-effett negattiv kumulattiv fuq il-mobilità ikkawżata minn ħsara fiż-żewġ riġlejn t’isfel, Labuz sofriet ukoll ħsara fil- daħla pelvika fi tliet postijiet. Dan huwa rilevanti f’mara ta’ età li jkollha t-tfal. Il- ħsara lill-ġog tax-xellug, il-ksur tax-xellug u framment spostat jolqot jew jgħawweġ id-daħla tal-pelvi u jista’ jinterferixxi tajjeb mat-twelid normali. Il-ħsara fil-ġogi tista ‘tirriżulta fi uġigħ fid-dahar okkażjonalment”.

F’dan il-każ partikulari li għandha quddiemha l-Qorti, il-vittma hija pjuttost ta’ eta’ żgħira u anke għandha kwalifiċi akkademiċi li ma jeskludux il-possibbilità u li potenzjalment setgħet issib impieg b’remunerazzjoni ogħla mill-paga minima.

Il-paga minima ssemmmiet mill-partijiet bħala kalkolu. Il-Qorti taqbel li l-paga għandha tkun skont il-liġi Maltija u mhux dik ta’ xi pajjiż barrani għaliex wara kollox l-inċident sar Malta. Għalhekk, bħala entrojtu il-Qorti qieset il-paga medja. Skont l-Uffiċċju tal-Istatistika Malta l-average pay għas-sena li fih seħħ l-inċident hija ta’ €1,613. Meta wieħed jaħdem is-somma din titla’ għal €115,709.