Lokali

L-ewwel Maltija maħtura president tas-CMI

L-avukat Anne Fenech ġiet maħtura bħala l-President l-ġdid tal-Kumitat Marittimu Internazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tas-CMI li saret f’Antwerp.

Hija kienet nominata mill-Assoċjazzjoni tal-Liġi Marittima tal-Awstralja u dik ta’ New Zealand kif ukoll mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi Marittima.

Ann Fenech hija l-ewwel mara u l-ewwel Maltija li se tkun qed isservi f’din il-kariga f’125 sena minn kemm ilu mwaqqaf is-CMI.

Il-Kumitat Marittimu Internazzjoni huwa responsabbli mit-tfassil tal-maġġoranza tal-konvenzjoijiet internazzjonali fis-settur marittimu.

L-avukat Fenech ilha tipprattika fil-liġi marittima għal dawn l-aħħar 36 sena fejn bdiet il-karriera tagħha f’Londra u rritornat Malta fis-snin disgħin fejn waqfet il-kumpanija privata tagħha. Hija serviet bħala ko-ordinatur tas-CMI għall-ngo bl-isem ‘UNICTRAL’, illi l-għan tagħha hu l-unifikazzjoni tal-liġi internazzjonali tas-settur marittimu.

Waqt li kienet qed tindirizza l-Assemblea Ġenerali tas-CMI, Ann Fenech qalet li huwa ta’ unur u privileġġ kbir għaliha li se tkun qed isservi f’din il-kariga ġdida. Saħqet li l-pjan tagħha huwa li tibni fuq dak li ħallew il-predeċessuri tagħha filwaqt li tħares lejn pjanijiet ġodda fejn fost l-oħrajn se tara li jkun hemm relazzjonijiet mill-aqwa ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali li kollha għandhom l-istess għan u viżjoni… dik li jagħmlu dan is-settur wieħed iktar b’saħħtu f’dinji li kulma jmur qiegħda dejjem tevolvi.