Giorgia Meloni, il-Kap tal-Partit Fratelli d’Italia, għada s-Sibt se tieħu l-ġurament bħala l-Prim Ministru Taljan u meta l-Ministri tagħha wkoll għandhom jieħdu l-ġurament tal-ħatra. Dan wara li Meloni aċċettat il-mandat tal-President Taljan Sergio Mattarella biex tifforma Gvern ġdid.
Intant, Meloni, li l-partit tagħha mexxa l-koalizzjoni ta’ partiti tal-lemin għal rebħa impressjonanti fl-elezzjoni ġenerali ta’ Settembru, tinsab lesta biex tikteb l-istorja bħala l-ewwel Prim Ministru mara tal-Italja.
Meloni, residenti ta’ Ruma u li għandha 45 sena, ħabbret il-Kabinett ġdid wara siegħa ta’ taħditiet ma’ Mattarella li kien bagħat għaliha biex jagħtiha l-mandat fil-Quirinale.
Aktar qabel, Meloni kienet mexxiet delegazzjoni tal-koalizzjoni tagħha f’sensiela ta’ taħditiet bħala parti mill-konsultazzjonijiet formali għat-twaqqif ta’ Gvern u meta l-partiti tal-koalizzjoni kollha qablu li hi għandha tieħu r-riedni bħala Prim Ministru.
Il-konsultazzjonijiet ma damux fit-tul, b’Meloni tistqarr li l-koalizzjoni tagħha għandha ‘ideat ċari’ dwar kif għandha tmexxi lill-Italja. Hi kompliet li l-Gvern ġdid mgħandux iż-żmien x’jitlef għaliex hemm ħafna issues urġenti x’jindirizza fuq livell lokali u daqstant ieħor internazzjonali.