Internazzjonali

L-Ukrajna: Zelensky jakkuża lir-Russja dwar kumplott għal-qerda ta’ diga importanti

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja b’li qed tipprepara biex ittajjar diga li tifforma parti minn impjant idroelettriku fin-nofsinar tal-Ukrajna…Is-sitwazzjoni  qed tallarma sew lil Kiev, b’Zelensky iwissi dwar il-potenzjal ta’ diżastru fuq skala terribbli.

Il-mexxej Ukren spjega li l-qawwiet Russi qiegħdu l-isplussivi fid-diga ta’ Kakhovka, maġenb ix-Xmara Dnieper u kapaċi jiddeċidew li jtajjruha bil-ħsieb li jgħarrqu liz-zoni fil-madwar. Id-diga hi kontrollata mir-Russi iżda fl-aħħar sigħat, il-qawwiet Ukreni kienu qegħdin javvanzaw fuq dik iz-zona.

Ir-Russja, sadanittant, akkużat lill-Ukrajna dwar l-isparar tal-missili lejn id-diga ta’ Kakhovka li  tipprovdi lir-Russi b’rotta speċifika mix-Xmara Dnieper, fir-reġjun ta’ Kherson li hu parzjalment okkupat mit-truppi ta’ Vladimir Putin.

L-awtoritajiet f’Kherson li qed jappoġġjaw lir-Russja ċaħdu l-allegazzjonijiet tal-Ukrajna dwar kumplott lejn il-qerda tal-infrastruttura fl-Ukrajna. Dan waqt li huma qed jakkużaw lit-truppi Ukreni dwar attakk qattiel fuq il-Pont ta’ Antonivskiy li jipprovdi rotta oħra sinifikanti bejn iz-zoni lokali.

Ir-Russja, din il-ġimgħa, bdiet tevakwa lill-awtoritajiet leali lejha minn Kherson fost il-pjani biex jitilqu magħhom bejn il-50 u s-60,000 ċittadin tal-inħawi. L-Ukrajna, sadanittant, ikkundannat dan il-pass bħala proċess ta’ deportazzjoni sfurzata min-naħa ta’ Moska.