Ir-riżenja ta’ Liz Truss minn Prim Ministru wittiet it-triq mill-ġdid għall-għażla ta’ Kap tal-Partit Konservattiv li għandu jmexxi lill-Gvern Britanniku sal-jum tal-elezzjoni fir-Renju Unit. Sadanittant, il-kandidati li qed jikkuntestaw għall-kariga għandhom sa nhar it-Tnejn fil-5 ta’ filgħaxija ( ħin ta’ Malta) biex jaċċertaw mill-appoġġ ta’ 100 deputat bħala konferma tal-kandidatura.
Il-bidu tal-proċess jinvolvi diskorsi mill-kandidati li għandhom jgħinu lid-deputati fil-House of Commons biex jiddeċiedu dwar min iridu jappoġġjaw fit-tellieqa għat-tmexxija tat-Tories. L-ewwel ballottaġġ ukoll se jsir nhar it-Tnejn u f’każ li jkunu hemm tliet kandidati b’aktar minn 100 sostenitur, il-kandidat li jispiċċa bl-anqas voti jispiċċa eliminat.
Ladarba jifdal żewġ kandidati għandu jsir vot indikattiv bil-għan li l-membri tal-Partit Konservattiv ikunu jafu min hu l-kandidat ippreferut fost id-deputati tagħhom u qabel huma wkoll jesprimu l-għażla.
Il-proċess għandu jkun wieħed mgħaġġel u mistenni li r-Renju Unit ikollu Kap Konservattiv – u effettivament Prim Ministru ġdid fi żmien ġimgħa.
Madankollu, l-osservaturi poltiċi huma sorpriżi li, għalissa, l-ebda wieħed fost il-kandidati ma laħqu ħabbru uffiċjalment l-intenzjoni li jikkuntestaw għat-Tmexxija tat-Tories u tal-Gvern.
Madankollu, is-sorsi kredibbli ftit kellhom dubji li l-eks Kanċillier tal-Finanzi Rishi Sunak: Penny Mardaunt, il-Leader tal-House of Commons u l-ex Prim Ministru Boris Johnson għandhom ikunu l-isfidanti ewlenin f’dan il-proċess.
Fil-fatt, l-analisti ma jeskludux li Boris Johnson – li kien kostrett li jirriżenja f’Lulju wara sensiela ta’ skandli – kapaċi jagħmel comeback straordinarju fit-tmun tal-pajjiż u wara li t-tmexxija ta’ Liz Truss se titniżżel fl-istorja bħala l-inqas perjodu ta’ poter għal kwalunkwe Prim, Ministru tar-Renju Unit. Truss, kienet kostretta li titlaq wara li l-maġġoranza tad-deputati tat-Tories kienu ilhom il-jiem jesprimu l-isfiduċja fit-tmexxija tagħha.
Fl-istess ħin, il-Partit Konservattiv mhux qed jidher dispost biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija bħalma qed jinsisti l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.
//= $special ?>