Futbol Sport

Dopjetta ta’ Degabriele tagħti t-tliet punti lil Hibernians kontra Gudja

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matthias Mizzi

HIBERNIANS…….…2

GUDJA UNITED…….1

Hibernians: I. Kone, F. Apap, G. Bravo (K. Shaw 85’), T. Aldama (Z. Grech 89’), J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen, D. Vella, G. Artiles, O. Yunusa, R. Soares

Gudja U.: G. Zammit, J. Ramires, A. Prates, V. Plut, J. Arthur, N. Micallef, K. Micallef, J. Bezzina (A. Azzopardi 85’), M. Muchardi, S. Gomes (B. Selemani 73’), N. Navarrete (J. Mintoff 78’)

Imwissija: N. Micallef 4’ (GUD), K. Micallef 15’ (GUD), G. Artiles 25’ (HIB), O. Muritala 65’ (HIB), F. Apap 71’ (GUD), A. Prates 86’ (GUD), J. Arthur 90+1’ (GUD)

Skorjaw: M.Muchardi 9’ (GUD), J. Degabriele 19’ (HIB), J. Degabriele 78’ (HIB)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella & James Muscat

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Jurgen Degabriele (HIB)

BOV Plejer tal-Logħba: Matias Muchardi (HIB)

Tasal ir-raba’ rebħa konsekuttiva għat-tim Pawlist meta fit-Tony Bezzina Stadium huma għelbu lil Gudja United li mill-aħħar tliet partiti fallew milli jirbħu. Minkejja li t-tim Pawlist akkwista l-punti massimi, Gudja kienu ta’ oppożizjoni denja f’kull waqt tal-partita. Biż-żewġ gowls f’din il-partita Degabriele tela’ għal total ta’ disa’ gowls s’issa f’dan il-kampjonat.

It-tim immexxi minn Andrea Pisanu ħareġ mal-ewwel fuq l-offensiva biex wara sitt minuti logħob free-kick ta’ Degabriele kien perikoluż. Tliet minuti wara d-difiża ta’ Hibernians inqabdet fuq sieq waħda, b’Navarette tefa’ kross lejn Gomez u Matias Muchardi ma ħafirx minn rebound. Hibernians kisbu l-gowl ta’ dro hekk kif għaxar minuti wara l-plejer internazzjonali Malti Degarbiele żmarka lid-difiża u wiċċ imb’ wiċċ ma’ Zammit tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka. Wara l-gowl, it-tim Pawlist deher xi ftit aħjar minn Gudja biex qabel in-nofsiegħa logħob Glenn Zammit salva lit-tim tiegħu b’save stupend fuq xutt ta’ Jake Grech.  Fl-erbgħin minuta l-goalkeeper ta’ Hibernians wettaq save mill-aqwa u dawwar f’corner xutt tat-Taljan Muchardi. Minuta wara Jake Grech seta’ possibilment għamel aħjar meta minn ġirja ta’ kontrattakk ġenneb iżżejjed biex falla opportunità tajba ta’ gowl.

Il-bidu tat-tieni taqsima kien wieħed fjakk mill-azzjonijiet perikolużi. Intant fis-70 minuta Degabriele ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Zammit kien f’pożizzjoni tajba biex salva parzjalment sakemm Ferdinando Apap waqqa’ lill-plejer ta’ Gudja u waqqaf il-logħob. Tmien minuti biss wara Hibernians marru fil-vantaġġ meta Grech tefa’ kross lejn Dunstan Vella, b’dan kompla lejn Degabriele li mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka u għaqqad id-dopjetta personali. Wara dan il-gowl Hibernians naqsu milli jattakkaw aktar filwaqt li Gudja United sabuha diffiċli biex jippenetraw id-difiża avversarja biex ir-riżultat intemm favur Hibernians.