Era ġdida għall-Italja. Giorgia Meloni inħatret l-ewwel Prim Ministru mara tal-pajjiż.
Meloni ħadet il-ġurament tagħha s-Sibt filgħodu. L-istess għamlu l-Ministri tal-Gvern li se tmexxi hi – b’kollox 24, u li 6 minnhom huma nisa.
Fost l-ismijiet l-aktar prominenti hemm Antonio Tajani, li se jkun mhux biss Viċi Prim Ministru imma wkoll Ministru tal-Affarijiet Barranin. Miegħu bħala Viċi Prim Ministru hemm ukoll Matteo Salvini, il-Mexxej tal-Lega, li ingħata d-dekasteru tal-Infrastruttura.
Guido Crosetto inħatar Ministru tad-Difiża, Calderone responsabbli mix-xogħol u l-politika soċjali, Bernini se tkun responsabbli mill-Universitajiet u r-riċerka filwaqt li Santanche ingħatat id-dekasteru tat-Turiżmu.
Tirritorna wkoll Elisabetta Casellati li se tkun responsabbli mir-riformi.
Intant, huwa mistenni li għada ssir l-ewwel laqgħa tal-Kabinett Taljan immexxija minn Giorgia Meloni, wara li ssir ċ-ċerimonja tradizzjonali “tal-qanpiena”. F’din iċ-ċerimonja, il-Prim Ministru uxxenti Mario Draghi jgħaddi lil Meloni l-qanpiena li ssejjaħ il-laqgħat tal-Kabinett, f’ġest simboliku li jimmarka l-bidu ta’ Gvern ġdid.
Huwa mistenni wkoll illi b’mod immedjat, Meloni tħalli l-marka tagħha anke fuq livell internazzjonali. Fost l-ewwel laqgħat, hemm pjanati taħdidiet mal-President Franċiż Emanuel Macron kif ukoll fi Brussell mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
//= $special ?>