Appikk tinżel ftit turġien taħt is-Santwarju ta’ San Ġużepp fir-Rabat, wieħed isib kannierja li tmur lura għal iktar minn 350 sena… kannierja li toffri spazju għall-membri Fratelli u Konsorelli tal-Arċikonfraternità.
Fl-isfond ta’ kwiet perfett wieħed jista’ japprezza d-dettall li din il-kannierja toffri ma’ kull rokna taż-żewġ partijiet tagħhom… dettall li fl-aħħar sena ġie restawrat… kif jispjegalna aħjar is-Segretarju tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, Adrian Zahra.
Wara li sar dan ir-restawr, l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp ħasset li wasal iż-żmien li tinfetaħ għall-pubbliku fid-29 u t-30 t’Ottubru.
L-iktar kamra tal-kannierja antika minn dawk li ġew restawrati hi dik li tmur lura għall-1670, b’warajha saret oħra fl-1839 wara li tkabbar l-Oratorju. Iżda x’inhi eżatt l-istorja wara dan il-post?
Wieħed jista’ jżur il-kannierja s-Sibt bejn il-5 u s-7 ta’ filgħaxija u l-Ħadd bejn is-7 ta’ filgħodu u nofsinhar.